L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fil-ħajja ta’ Ġesù nsibu diversi mumenti meta l-Fariżej u l-kittieba jkunu f’polemika miegħu jew igergru fuq xi ħaġa. Fl-Evanġelju tal-lum, għandna każ minn dawn, fejn il-Fariżej u l-kittieba qegħdin igergru għaliex id-dixxipli ta’ Ġwanni u d-dixxipli tagħhom isumu u jitolbu, u dawk ta’ Ġesù jieklu u jixorbu (Lq 5:33). Qisu hemm xi ħaġa mhix f’postha, qed jgħidu huma.

X’hemm f’dan l-ilment li qed jagħmlu l-Fariżej u l-kittieba? L-ewwel nett, għalihom il-prattiċi reliġjużi tajbin – bħalma huma t-talb u s-sawm – kienu għan fih innifsu, flok  mezzi biex iressquhom lejn Alla, u jgħinuhom jikbru fl-imħabba ta’ Alla u fl-imħabba lejn l-oħrajn. Meta jiġi għan fih innifsu, jiġri mbagħad li l-enfasi tkun fuq dak li qed jidher minn barra: li n-nies qed jaraw lil min qed jitlob u lil min qed isum. U għalhekk diversi minnhom jagħmlu dan għal wiċċ in-nies. Niftakru f’dak li kien qal Ġesù: “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmlux għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 6:1). U Ġesù kien semma t-talb u s-sawm, flimkien mal-għoti tal-karità.

Kien qal: meta ssumu, toqogħdux tqarrsu wiċċkom u tkerrhu wiċċkom biex quddiem in-nies tidhru li intom sajmin, imma “idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi. U Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:17-18). U l-istess fuq it-talb, kien qal: meta titolbu, toqogħdux tmorru titolbu f’salib it-toroq u fis-sinagogi biex tidhru quddiem in-nies. Hekk jiġri jekk il-prattiċi reliġjużi jkunu għan fih innifsu flok mezzi biex jgħinuna ngħixu fl-imħabba ta’ Alla u tal-oħrajn. Hu dan li Ġesù kien jikkritika ħafna: meta l-għemil isir għal wiċċ in-nies.

Imbagħad kien hemm ħaġa oħra f’dan li qed jgħidulu l-Fariżej u l-kittieba. Dawn iqiegħdu kontra xulxin it-talb u s-sawm, u li tiekol u tixrob. Għax għandek tqiegħed dawn kontra xulxin? Hemm ħin għat-talb, hu importanti; hemm ħin għas-sawm, hu importanti wkoll; u hemm ħin biex tiekol u tixrob. Dawn ma għandekx tqegħidhom ħaġa kontra l-oħra. Fil-fatt Ġesù stess jgħid li jasal il-mument tas-sawm għad-dixxipli tiegħu. U f’mument ieħor jitkellem fuq il-bżonn tat-talb u s-sawm biex jitkeċċew l-ispirti ħżiena.

X’inhu, għalhekk, il-messaġġ għalina llum f’din is-silta mill-Evanġelju skont San Luqa?       L-ewwel nett, biex il-prattiċi reliġjużi tagħna tajbin nagħmluhom, imma jkunu għalina mezz li jressquna aktar lejn Alla u lejn l-oħrajn, u jimlew ħajjitna bl-imħabba ta’ Alla u l-imħabba lejn l-oħrajn. Imbagħad li aħna nagħrfu li l-ħajja Nisranija hija ħajja sabiħa, mhijiex ħajja li għandha timlielna qalbna bl-imrar u d-dwejjaq. Hi ħajja rebbieħa, mhijiex ħajja li minnha nnifisha ttellfilna l-gost tal-ħajja. Għalhekk il-kelma ta’ Alla tfakkarna li hemm ħin għal dak li hu tajjeb, u aħna għandna nagħrfu ż-żmien meta għandna nagħmluh. Hemm ħin għat-talb, ħin għas-sawm, u hemm ħin ukoll biex nieklu u nixorbu, bil-qjies imma tajjeb. San Pawl, fl-Ewwel Ittra lill-Korintin, semma proprju l-ikel u x-xorb. Kien qal: “Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla” (1 Kor 10:31).

Nitolbu lill-Mulej biex aħna ngħixu l-ħajja Nisranija bil-ferħ u bil-paċi li hu jagħtina f’qalbna; li nagħmlu l-prattiċi reliġjużi, u nagħmluhom bħala mezz kif iressquna aktar lejn Alla u lejn l-oħrajn, u jimlewna bl-imħabba ta’ Alla u tal-oħrajn; u biex insibu ħin għat-talb, insibu ħin għas-sawm, u biex nieklu u nixorbu tajjeb – u nagħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju