L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ejjew nimmaġinaw ftit lill-Madonna, lil Marija ta’ Nazaret tisma’ dan il-kliem ta’ Ġesù. Jekk ma semagħtux direttament għax baqgħet barra d-dar fejn kien Ġesù, żgur wassluhulha. Ikun hemm min iwassalulha b’iżjed aċċent.     

“Min hi ommi? Min huma ħuti?” (Mt 12:48). Hu kliem li mad-daqqa t’għajn jinstema’ iebes fil-konfront ta’ Marija ta’ Nazaret, il-mamà tiegħu u anke tal-qraba tiegħu li l-Evanġelju jirreferi għalihom dejjem bħala l-aħwa ta’ Ġesù, ħutu. Aħna wkoll fil-Malti m’għandniex kelma għall-kuġini, kuġini ġejja mit-Taljan ‘cugino’. Is-Semitiku juża l-kelma ħija, oħti għall-qraba. U l-Aramajk li kien jitkellem Ġesù hu ħafna qrib il-lingwa tagħna wkoll.

Imma meta Ġesù qiegħed jgħid li għandu familja oħra, qed jiċħad dak kollu li kienet għalih ommu l-għażiża? Wara kollox, hi tibqa’ ssegwih u “ħdejn is-salib tiegħu kien hemm ommu, oħt  ommu” (Ġw 19:25), il-qraba ma telqux. Imma jrid jagħmilha ċara, u anke lilna wkoll, li d-dixxipli huma l-familja tiegħu. Telaq lil Nazarat pajjiżu, telaq bit-trikki trakki għaliex meta rritorna ma aċċettawhx. “Dan mhux it-tifel tal-mastrudaxxa?” Donnu qed jgħidu: ‘Min jaħseb li hu?’. “U ommu ma nafuhiex u ħutu?” (ara Mt 13:54-55). L-Evanġelju jsemmi wkoll l-ismijiet ta’ wħud minn ħut Ġesù, mill-qraba ta’ Ġesù.

Ġesù tnisslu bl-imħabba tiegħek, bil-paċenzja tiegħek, bil-maħfra u l-ħniena tiegħek.

Għal Ġesù, il-familja tiegħu hi kull min jagħmel ir-rieda tal-Missier. “Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak hu ħija u oħti u ommi” (Mt 12:50). L-għorrief tal-Knisja jħarsu lejn Marija bħala l-ewwel eżempju ta’ dik li għamlet ir-rieda tal-Missier. Wara kollox, il-kliem li għandna fl-Evanġelju aħna ngħiduh ta’ kuljum: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek” (Lq 1:38). U allura l-Madonna tifhem xi tfisser tagħmel ir-rieda tal-Missier li hu fis-smewwiet.

Ġesù ma jitkellimx biss dwar l-aħwa. Aħna d-dixxipli faċli nifhmu li aħna aħwa ta’ Ġesù, imma ommijiet? Xi tfisser tkun omm Ġesù? Xi tfisser li tnissel lil Ġesù? Ġesù tnisslu bl-imħabba tiegħek, bil-paċenzja tiegħek, bil-maħfra u l-ħniena tiegħek. Int min int, jekk qed tipprova timxi fuq dak li jgħidilna Ġesù, u tipprova jkollok il-ħarsa tiegħu fuqek innifsek, fuq ħaddieħor ħarsa ta’ ħniena ta’ mogħdrija, ta’ maħfra – int qiegħed jew qiegħda tnissel lil Ġesù.

Allura ġustament mhix kwestjoni ta’ mara jew raġel, aħna nnisslu lil Ġesù, il-preżenza tiegħu jekk aħna verament id-dixxipli tiegħu. Il-dixxiplu hu dak li jitgħallem, minn discere bil-Latin, li titgħallem, dixxiplu hu wieħed li jitgħallem. Il-Mulej jirreferi lilu nnifsu bħala Mgħallem: “Intom issejħuli mgħallem u tgħidu sew għax hekk hu” (Ġw 13:13). Mela aħna li aħna d-dixxipli, il-Mulej imidd idu lejna u jgħid: “Dawn araw huma ommi u ħuti” (Mt 12:50).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżodu 14, 21 – 15,1
Salm: Eżodu 15, 8-9.10 u 12.17
Evanġelju: Mt 12, 46-50