L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Waħda mill-espressjonijiet komuni fuq il-media soċjali meta jmut xi ħadd hi ‘Fly high!’. Taraha kemm-il darba, speċjalment meta xi ħadd ikun ħabib jew ħabiba ta’ min miet u jikteb din l-espressjoni. Mhuwiex dejjem ċar min jiktibha xi jkun qed jifhem biha, jidher li hi espressjoni li turi xi ħaġa lil hemm minn din il-ħajja; imma naħseb li l-festa li qed niċċelebraw illum tagħti l-isbaħ u l-aħjar tifsira għal din l-espressjoni ‘fly high’.
Illum niċċelebraw is-solennità ta’ Marija li ġiet mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem. Marija kienet l-ewwel li gawdiet b’mod sħiħ mill-milja tal-qawmien ta’ Kristu. Smajna l-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin fejn jgħid li Kristu qam tassew mill-imwiet, imbagħad iżid “l-ewwel Kristu, wara dawk li huma ta’ Kristu” (1 Kor 15:23). Dan li qed niċċelebraw illum: lil Marija li ġiet imtellgħa s-sema u għalhekk, kif intemmet ħajjitha f’din l-art, bdiet tgawdi lil Alla b’mod sħiħ.
Nixtieq li nirriflettu fuq tliet punti marbuta ma’ din il-festa.
Marija tfakkarna li s-sema pajjiżna
Marija mtellgħa s-sema tfakkarna li teżisti l-ġenna, u hemm irridu naslu aħna fit-tmiem ta’ ħajjitna hawnhekk. Il-ġenna hi realtà. Ħajjitna hi mixja li għandha twassalna għal din id-destinazzjoni. Għalhekk il-festa tal-lum lilna tagħmlilna kuraġġ. Turina s-sbuħija tal-ħajja li ma tintemmx fix-xejn imma li tasal għall-ħajja ta’ dejjem. Turina kemm hi ta’ ferħ għalina meta niftakru fid-destinazzjoni tagħna.
Din hi l-viżjoni għal ħajjitna. Nindunaw kemm tiswa din fil-mument li ninsew ’il fejn sejrin. Meta jiġri hekk, hawnhekk insibu ħafna vojt fil-ħajja tagħna. Għalhekk l-istedina f’din il-festa hi biex niftakru l-iskop tagħna: li Alla ħalaqna biex ingawduh għal dejjem, u li d-destinazzjoni tagħna fi tmiem ħajjitna hawnhekk hi s-sema pajjiżna.
Marija tgħallimna kif ngħixu
It-tieni messaġġ li tagħtina Marija mtellgħa s-sema hu dan: turina bil-ħajja tagħha xi jwassalna għal din id-destinazzjoni, kif għandna ngħixu ħajja tajba hawnhekk. Hi tagħtina l-isbaħ eżempju ta’ dan.
Naraw lil Marija li dejjem tfittex ir-rieda ta’ Alla, anke meta ma tarax ċar. Lill-anġlu qaltlu: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38). U dak li qalet lill-anġlu ma kienx biss kliem ta’ dakinhar, imma baqgħet tgħixu ħajjitha kollha, sal-iktar mument iebes meta kienet taħt is-salib u binha qed imut. Hi ħajja li tgħallimna l-fidi, il-fiduċja f’Alla.
Il-ħajja ta’ Marija hi dejjem ħajja ta’ tifħir lil Alla. Hawnhekk fl-Evanġelju għandna dak il-kliem sabiħ tagħha: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46). Hekk għexet Marija, kemm bi kliemha kif ukoll b’ħajjitha kollha. Kollox kien tifħir lill-Mulej. Kemm hu importanti dan għalina, kemm isebbaħ lill-ħajja tagħna! Sfortunatament, f’pajjiżna, flok “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” nisimgħu tant spiss it-tkasbir tal-isem tal-Mulej.
Marija tgħallimna wkoll is-sensittività lejn l-oħrajn, l-imħabba kbira li hi għexet f’kull mument ta’ ħajjitha, speċjalment għal dawk li huma fil-bżonn.
Għalhekk, meta nħarsu lejn Marija, naraw fiha l-isbaħ eżempju ta’ kif irridu ngħixu l-ħajja llum aħna u mexjin lejn is-sema pajjiżna.
Marija hi Omm li takkumpanjana
Marija mhijiex biss eżempju ta’ kif irridu ngħixu. Hi wkoll omm, u Ġesù fuq is-salib tahielna biex tkun ommna. Hi ommna li takkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna. La għandna din l-omm, nafu li għandna appoġġ kbir fil-ħajja tagħna.
Meta nsemmu “omm”, mill-ewwel niftakru fid-don tal-ħajja. Marija hi l-omm li lilna tgħinna biex ngħożżu l-ħajja bl-imħabba: ngħożżu l-ħajja tagħna u l-ħajja tal-oħrajn. Meta, fid-dehra tal-anġlu Gabrijel, Marija aċċettat li tkun Omm Alla, u dak il-ħin tnissel fiha Ġesù, hi għarfet li kellha ħajja umana ġdida.
Fl-Evanġelju tal-lum, nisimgħu lil Eliżabetta tgħidilha “imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!” (Lq 1:42). Eliżabetta għarfet li kemm hi kif ukoll Marija kellhom ħajja umana ġdida. Ma kinux biss ftit ċelloli li qegħdin hemm u li jiffurmaw parti minnhom bħaċ-ċelloli l-oħra, imma kellhom xi ħaġa speċjali: ħajja umana ġdida.
Kultant ikun hemm min qisu jirredikola d-diskors fuq “ħajja umana ġdida” u jgħid li dawn huma ftit ċelloli u daqshekk. Min jidħak b’dan ikun qed jidħak bih innifsu, għax hu hekk kien – kien ftit ċelloli meta tnissel, u dawk il-ftit ċelloli kienu jfissru li diġà qed jgħix, imma għax kien milqugħ tawh il-possibbiltà li jkompli jiżviluppa u jkun jista’ jitwieled.
Marija hi l-omm li tfakkarna kif dejjem ngħożżu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn, aħna u mexjin lejn il-ħajja ta’ dejjem.
Nitolbu lil Marija llum biex tkompli ssaħħaħ fina l-viżjoni tas-sema pajjiżna; tkompli tkabbar fina l-fiduċja f’Alla, u tgħinna biex ħajjitna tkun ħajja ta’ tifħir lil Alla u ta’ mħabba u sensittività lejn l-oħrajn. Nitolbuha biex tkompli takkumpanjana bħala omm bl-għożża tal-ħajja ta’ issa imma wkoll fil-mixja għall-ħajja ta’ dejjem fis-sema pajjiżna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju