L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju li għadna kemm smajna jibda bi vjaġġ ta’ Marija. L-Anġlu Gabrijel għadu kemm ħabbrilha li kellha ssir Omm Alla, u hi, tfajla rżina u żagħżugħa, marbuta mal-imħabba kbira għall-poplu Lhudi, tgħid lill-qaddej ta’ Alla l-Anġlu Gabrijel: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”

Il-vjaġġ lejn Għajn Karem

Mimlija bil-ferħ li ġej mill-ispirtu qaddis ta’ Alla, mimlija bl-imħabba magħmul bniedem fil-ġuf tagħha, imtaqqla bl-għajdut tan-nies bis-suspett ta’ Ġużeppi, li mnebbaħ mill-qaddej anġlu ta’ Alla jilqagħha, mimlija b’dawn l-esperjenzi kollha, Sidtna Marija tilqa’ s-sinjal li ngħatalha, jiġifieri li għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun, u “tħaffef lejn il-għoljiet, f’belt tal-Lhudija” (Lq 1:39) biex tiltaqa’ ma’ Eliżabetta, il-qariba tagħha li kienet diġà fis-sitt xahar tat-tqala tagħha. Aħna u ningħaqdu mal-Papa Franġisku fir-rieda tiegħu li l-Knisja ssegwi l-mixja tagħha flimkien, dan il-proċess sinodali, ejjew nitolbu lil Sidtna Marija tnebbaħna x’jiġifieri tmur “tħaffef lejn il-għoljiet”. Ejjew fil-paġni tal-Evanġelju nsibu l-vjaġġi li għamlet Marija u nissieħbu magħha u hi magħna.

Il-vjaġġ lejn Betlehem

Wara l-esperjenza ta’ Għajn Karem, fejn qagħdet viċin il-qariba tagħha għal tliet xhur sakemm twieldet it-tarbija li ssemmiet Ġwanni, li jfisser ‘Alla tassew ħanin’ u l-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien, hi marret lura Nazaret u l-vjaġġ li nsibu hu dak li jikkmanda l-Imperatur Augustu, jiġifieri li fi żmien iċ-ċensiment kulħadd irid imur lejn il-belt tar-razza tiegħu. U Ġużeppi ta’ Nazaret, mid-dar ta’ David, jieħu lil Marija mtaqqla b’binha lejn Betlehem. Dan il-vjaġġ jara t-twelid ta’ Sidna f’belt iffullata li ma jkunx hemm post għalihom fil-lukanda u tfisqi u tqiegħed lil binha f’maxtura.

Marija tippreżentah f’Ġerusalemm u tagħmel il-vjaġġ lejn it-tempju tal-Mulej għax il-Mulej jidħol fit-tempju tiegħu. Għalkemm flimkien ma’ żewġha Ġużeppi tippreżenta fit-tempju l-offerta tal-fqar — par gamiem jew żewġ bċieċen — hi qed iġġorr fi ħdanha l-Ħaruf ta’ Alla bla tebgħa li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

Sidtna Marija tal-vjaġġ lejn Betlehem, Santa Marija tal-vjaġġ lejn Ġerusalemm, għallimna noffru lill-Mulej mill-faqar tagħna dak kollu li aħna biex il-Mulej jittrasformana.

Il-vjaġġ lejn l-Eġittu

Il-vjaġġ li jmiss hu vjaġġ ta’ dulur, il-vjaġġ minn Betlehem għall-eżilju fl-Eġittu. Marija u Ġużeppi jafu x’jiġifieri tkun mhedded bil-qtil ta’ xi ħadd għażiż. Erodi qed ifittex lit-tarbija biex joqtolha. “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu” (Mt 2:13). Marija u Ġużeppi għamlu din il-mixja ta’ min afdat b’teżor kbir imma wkoll afdat bir-responsabbiltà li jħarsu.

Sidtna Marija fil-vjaġġ lejn l-eżilju għallimna ma naqtgħux qalbna bid-diffikultajiet tal-ħajja għax il-ħajja fiha nżul u tlajja’. Għallimna ma nitwerwrux quddiem il-persekuzzjonijiet, quddiem it-theddid. Għallimna nifhmu li inti afdajtilna lil xulxin f’idejn xulxin.

Il-vjaġġ lejn Ġerusalemm

Lura lejn Nazaret, Marija u Ġużeppi ma joħorġux biss minn din il-fosdqa ta’ talb, ta’ silenzju, ta’ kompassjoni, ta’ tenerezza u ta’ viċinanza. Bħala Lhud osservanti kull sena jmorru lejn Ġerusalemm għall-festa tal-Għid u ta’ tnax-il sena jagħmlu hekk ukoll ma’ binhom Ġesù li ntilef. Immaġinaw il-vjaġġ ta’ Marija u Ġużeppi jfittxu lil Ġesù u ma jafux fejn qiegħed.

Santa Marija tal-vjaġġ lejn Ġerusalemm b’qalbek maqsuma, għax hekk qaltlu lil Ġesù: “Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” (Lq 2:48). Santa Marija, b’qalbek maqsuma fit-tfittxija, agħtina l-grazzja li nfittxu lill-Mulej anke fid-dlam tal-ħajja, anke fil-mard, u fit-telfa tal-għeżież tagħna. Agħmel li t-telfa tagħna tinbidel fil-ferħ tas-sejba ta’ Ġesù li jgħidilna: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2:49). Il-vjaġġ lura lejn Nazaret hu l-vjaġġ tal-ubbidjenza ta’ Ġesù. Santa Marija fakkarna kemm rispett uriek Ġesù, kemm ubbidjenza wera lilek u lil Ġużeppi.

Il-vjaġġ lejn Kana

Il-vjaġġ li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Ġwann hu l-vjaġġ għat-tieġ ta’ Kana. Marija hi mistiedna għal tieġ u magħha mistieden ukoll Ġesù li jġorr miegħu lid-dixxipli tiegħu. Immaġinaw li għat-tieġ ikollok tieġ bħala mistednin lil Marija u lit-tifel tagħha Ġesù.

Nafu x’ġara f’Kana. Ejjew nitolbu lil Sidtna Marija tal-vjaġġ lejn Kana biex tieħu ħsieb in-nuqqasijiet tagħna, tinduna meta jonqsilna l-inbid. Ejjew nisimgħu l-vuċi tagħha tgħid lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Jalla l-ilma fqir tal-purifikazzjoni jinbidel f’inbid ta’ ferħ, tal-abbundanza, tal-grazzja, u tal-maħfra.

Il-vjaġġ lejn Kafarnahum

Marija rat lit-tifel tagħha jitlaq mid-dar biex jagħmel ir-rieda ta’ Missieru, ħallieha armla u tiddependi mis-solidarjetà tal-familja estiża tagħha, ta’ ħutha subien u bniet, il-kuġini u l-qraba tagħha. Imma meta minn Kafarnahum, fejn Ġesù beda jgħallem u jagħmel il-mirakli, taslilha l-kelma li mhuwiex f’postu, Marija tmur tfittex lil binha ma’ xi qraba. Sidtna Marija tal-vjaġġ lejn Kafarnahum, anzjuża għax ma tafx x’sar minn binha li qed jgħidu li “tilef moħħu” (Mk 3:21), għallimna biex ma nkunux weħidna fil-mumenti ta’ tensjoni u tal-umiljazzjoni tal-mard mentali.

Hi tisma’ lil binha mhux biss ifakkar li hi ommu fin-natura tagħna l-bnedmin imma ommu u oħtu fl-ubbidjenza lejn il-Kelma ta’ Alla. Immaġinaw lill-Madonna fil-vjaġġ lura minn Kafarnahum lejn Nazaret b’tifel li l-iben tagħha għandu familja ġdida mibnija fuq l-ubbidjenza lejn Alla, fuq il-fatt li mill-kliem tgħaddi għall-fatti għax aħna nafu li bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.

Il-vjaġġ lejn is-salib

Wara ftit snin niltaqgħu magħha lura Ġerusalemm tfittex lil binha arrestat, akkużat, ittorturat, ifflaġellat u nkurunat bix-xewk. Tiltaqa’ miegħu fit-triq tal-umiljazzjoni, tal-kundanna, tad-dlam. Fir-raba’ misteru tal-Via Crucis, mhux dan infakkru – il-laqgħa ta’ Ġesù ma’ ommu? Immaġinaw il-ħarsa tal-omm f’dik it-triq tagħha u ta’ binha. Ħarsa ta’ qalb maqsuma imma ħarsa li tinfed il-qalb ta’ Ġesù bit-tama u bil-kuraġġ għax jekk kien hemm xi ħadd li jaf min hu Ġesù kienet hi. Jekk kien hemm xi ħadd li kellu fiduċja fih kienet hi. Jekk kien hemm xi ħadd li kien jaf li għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun kienet hi. L-Evanġelju ma jgħidilna xejn dwar x’ġara minn dik il-laqgħa sakemm Ġesù wasal fuq l-għolja tal-Kalvarju imma jgħidulna li kienet hemm wieqfa taħt is-salib.

L-ommijiet jistgħu jifhmu x’jiġifieri tkun qrib ibnek ikkundannat għall-mewt. Qiegħda hemm int, tista’ l-kliem iebes, it-tagħjir, iż-żufjett u dak kollu li jingħad lil ibnek jinfed lill-qalb tiegħek.

Immaġinaw il-vjaġġ ta’ Marija lejn il-qabar ta’ binha u tara l-ġebla titgerbeb u tagħlqilha l-vista ta’ binha mill-ħarsa ħanina tagħha. X’kienu s-sentimenti ta’ Marija bejn il-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid? Il-qaddisin, bħall-maħbub tagħna San Ġorġ Preca — dak li jsejjaħ l-eżerċizzju ta’ San Gabrijel tal-Addolorata — jipprova jimmaġina s-sentimenti ta’ Marija f’dak il-lejl ta’ swied il-qalb, ta’ dulur, dmugħ u umiljazzjoni.

Il-Papa San Ġwann Pawlu II jgħidilna li l-ewwel laqgħa ta’ Ġesù Rxoxt x’aktarx kienet ma’ ommu. L-Evanġelju jgħidilna fuq il-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Marija Maddalena, man-nisa t-twajba, mad-dixxipli tiegħu. Il-laqgħa ta’ Ġesù ma’ ommu Marija hi mistura. Dak l-għabex ħelu ta’ intimità bejn l-iben u l-omm. Imma Marija hi mal-Knisja, mal-familja ta’ Ġesù. Hi preżenti fil-misteru ta’ Lapsi, tat-tlugħ is-sema tal-Mulej. Hi mal-Knisja f’Ġerusalemm, fil-kamra ta’ fuq tistenna l-miġja tal-Ispirtu s-Santu. Hi wkoll titlob biex fuq kull wieħed minna jinżel il-faraġ tal-ispirtu qaddis tal-Mulej.

Il-vjaġġ lejn is-sema

Illum qegħdin niċċelebraw il-vjaġġ tal-aħħar ta’ Sidtna Marija. Fl-evanġelji m’għandniex informazzjoni dwar il-mewt ta’ Marija u t-tlugħ tagħha fis-sema. Id-devozzjoni u l-fidi tal-poplu Nisrani tixhed sa mill-eqdem żminijiet il-fidi tal-Knisja ta’ Ġerusalemm li l-qabar li fiha tqiegħed il-katavru ta’ Marija nstab vojt. 

Tradizzjoni oħra li tipprova tispjega l-ħelsien ta’ Marija mit-taħsir tal-mewt tgħid li mill-qabar ta’ Marija kienet toħroġ fwieħa li tgħaxxqek. Aħna nafu li l-oqbra tal-għeżież tagħna m’għandhomx fwieħa x’jgħattu. Imma l-qabar mimli ħlewwa u fwieħa ta’ Marija hu sinjal tar-rebħa tal-umanità fuq il-mewt fi Kristu, ma’ Kristu u permezz ta’ Kristu. Hi ntagħżlet bħala sinjal għalina biex fit-triq li nimxu f’din l-art ma ninsewx li d-destinazzjoni mhux l-qabar imma l-ġenna fejn kull wieħed u waħda minna għandna post merfugħ.

Illum ejjew nitolbu ma’ Sidtna Marija t-talba ħelwa li tgħallimna ngħidulu lill-Mulej: “Tħallini qatt ninfired minnek”. O Marija, int u tgħaddi minn did-dinja għall-istat tal-glorja li fiha tinsab, iġbidna lejk bil-fwieħa tal-umiltà, tal-ubbidjenza u tal-ħarsa ħanina tiegħek.

Din is-sena l-poplu Malti bir-raġun mhux biss ifakkar it-80 sena minn mument diffiċli fl-istorja tiegħu imma wkoll żewġ avvenimenti li l-konvinzjoni ġenwina tal-poplu tagħna torbothom mal-interċessjoni qawwija ta’ Sidtna Marija. Fid-9 t’April 1942 dan it-tempju ġie milqut mill-gwerra. Il-persważjoni mhix biss tal-Mostin imma tal-poplu tagħna. Dakinhar dan it-tempju nħeles bil-ħarsien ta’ Marija u bħal-lum 80 sena fil-Port il-Kbir, il-Maltin inġabru biex jibdew jieħdu minn dak li kien il-frott ta’ ħidma kbira tal-alleati biex iwasslulna dak li kellna bżonn biex ma mmutux il-ġuħ. Bir-raġun, Operation Pedestal, saret il-Konvoj ta’ Santa Marija. Illum nirringrazzjaw lil Alla talli Marija wrietna biċ-ċar li timxi magħna u tħarisna.

Illum l-għadu min hu, fejn qiegħed? Kulħadd jagħmel eżami tal-kuxjenza fuq din id-domanda. X’ħarsien għandna bżonn? Liema hu d-dragun li jissemma fl-ewwel qari tal-lum għassa biex jibla’ l-wild tal-Knisja? Il-wild ta’ Marija liema hu? Aħna ma’ liema parti qegħdin? Ejjew nitlobu lil Marija tħarisna u tmexxina fit-triq flimkien magħha. Santa Marija tat-triq tagħna u tiegħek, għallimna nixmu flimkien ma’ Ġesù.

Viva Santa Marija!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Apok 11:19a; 12: 1-6a,10ab
Salm: 44:10bc,11-12ab,16
Qari II: 1 Kor 15:20-26
L-Evanġelju: Lq 1:39-56

Aktar ritratti >>