Minn din il-ġimgħa l-Flimkien beda jerġa’ jitqassam f’160,000 dar f’Malta f’format ġdid stampat u se jkun ukoll online. Dan tħabbar dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, fejn ingħataw dettalji dwar it-tnedija mill-ġdid tal-pubblikazzjoni Flimkien.

Il-Flimkien, li ilu jitqassam fid-djar u fil-parroċċi għal dawn l-aħħar 17 sena, jinħareġ mill-Kulleġġ tal-Kappillani li huwa ffurmat mill-kappillani tal-parroċċi f’Malta. Minn din il-ħarġa l-ġdida, minbarra l-verżjoni stampata, l-artikli bil-Malti u bl-Ingliż se jkunu qed jidhru wkoll fuq il-website flimkien.mt u fuq Facebook fejn il-qarrej se jkun jista’ jaqsam il-fehmiet tiegħu ma’ oħrajn.

Dun Mario Mangion, il-President tal-Kulleġġ tal-Kappillani, qal li fl-eqqel tal-pandemija l-Flimkien waqaf milli jiġi stampat u l-kappillani ħadu din l-okkażjoni sabiex jirrevedu l-iskop tal-pubblikazzjoni u l-mod kif tista’ tilħaq aktar nies, speċjalment lill-ġenerazzjoni żagħżugħa. Qal li l-kappillani jixtiequ li l-Flimkien ikun mezz ta’ diskussjoni kemm fil-Knisja Maltija kif ukoll fis-soċjetà sabiex jissaħħu l-valuri Nsara. “Il-Flimkien jgħin biex niddibattu dwar it-tajjeb u dak li hu anqas tajjeb f’pajjiżna.” Saħaq li lil hinn mid-differenzi ta’ bejnietna, bħala ċittadini Nsara nistgħu niddiskutu kif nibnu pajjiż u futur aktar b’saħħtu għalina u għal dawk li ġejjin warajna.

Nikol Baldacchino, l-editur il-ġdid tal-Flimkien, tkellem dwar il-kontenut u kif permezz ta’ diversi artikli u kontributuri, il-Flimkien se jipprova jiskopri u jxerred dak li hu sabiħ f’pajjiżna, se jippromwovi l-kultura Maltija, mhux biss dik reliġjuża, u se jkun ta’ għajnuna fl-isfidi li lkoll inħabbtu wiċċna magħhom. Qal li minn żmien għal żmien se ssir konsultazzjoni mal-pubbliku dwar x’temi għandhom jiġu diskussi fil-Flimkien.

Dun Anton Galea Scannura, il-kappillan tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa, qal li l-Flimkien, se jkun mera ta’ Knisja li trid mhux biss titkellem, imma fuq kollox tisma’. “Nixtiequ nisimgħu. Kulħadd għandu x’joffri: żgħażagħ, nies tas-sengħa, professjonisti, ħaddiema, dawk li jieħdu ħsieb djarhom, pensjonanti u n-nanniet. Flimkien imsejħin biex naħdmu mhux biss b’passjoni, kreattività u integrità, imma fuq kollox b’sens ta’ solidarjetà ma’ xulxin u nħabirku għall-ġid komuni.”

Kull min jixtieq jagħmel kuntatt mal-Flimkien jista’ jibgħat email fuq [email protected] jew ikellem lill-kappillan tal-parroċċa tiegħu.