Grupp ta’ żgħażagħ minn numru ta’ għaqdiet Kattoliċi madwar l-Ewropa ltaqgħu f’Malta biex jipparteċipaw f’kors ta’ taħriġ organizzat miż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK).

Madwar 40 żagħżugħ u żagħżugħa minn ħames pajjiżi differenti attendew għal dan il-kors, liema żgħażagħ kienu ġejjin minn Malta, l-Italja, Spanja, l-Islovakkja u r-Rumanija. Il-parteċipanti kellhom iċ-ċans jirriflettu dwar l-irwol tagħhom bħala mexxejja fl-organizzazzjoni tagħhom u kien hemm ukoll diversi mumenti ta’ formazzjoni, spiritwalità u rikreazzjoni.

Is-sessjonijiet kienu ffukati dwar is-sinfikat ta’ kull individwu u l-konnettivita fl-għaqda, kif ukoll dwar kemm kull persuna huwa organu żgħir f’unviers kbir. Dan filwaqt li lkoll komplew jiskopru l-irwol tal-Azzjoni Kattolika (AK), u l-missjoni tagħha fid-dinja.

Il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-President tal-Azzjoni Kattolika u xi membri oħra miż-ŻAK, li qassmu magħhom il-mixjiet personali tagħhom, l-irwoli tagħhom u l-iktar importanti, kif l-Azzjoni Kattolika għenithom fil-formazzjoni tagħhom. Raw ukoll kif din tinfluwenzahom fil-ħajja li qed jgħixu. Fl-istess lejl, il-parteċipanti ċċelebraw id-diversità billi ppreżentaw il-pajjiż, l-ikel u l-kultura tagħhom lil xulxin.

Sescu Karla Monica mill-AK tar-Rumanija stqarret li din kienet esperjenza sabiħa immens u tgħallmet kif għandu jaġixxi mexxej, x’inhuma l-irwoli tiegħu u kif għandu jikkomunika b’mod effettiv. Hi kienet impressjonata bl-esperjenzi tal-mexxejja Maltin li kienu ta’ ispirazzjoni għaliha.

Laura Castro Álvarez li għandha 18-il sena u hija leader fl-AK f’Asturias, reġjun fit-tramuntana ta’ Spanja, qalet kif hi waslet Malta mingħajr ma kellha idea konkreta ta’ x’se jkunu qed jagħmlu. Madanakollu, hi qalet li l-iktar ħaġa għall-qalbha hi li ltaqgħet ma’ ħafna nies ġodda, anke mill-pajjiż tagħha stess. Semmiet kif il-kors kien ta’ ispirazzjoni u ta’ għajnuna kbira għaliha biex ittejjeb il-ħiliet tagħha u tkun tista’ tiggwida aħjar il-membri.

Alejandro Hernández López, li għandu 23 sena u jgħix f’Murcia fi Spanja spjega kif qabel il-kors kellu xi dubji dwar l-irwol tiegħu bħala leader imma grazzi għall-workshops u l-konverżazzjonijiet li kellu mal-parteċipanti l’oħra, saħħaħ l-impenn tiegħu lejn l-għaqda u lejn iż-żgħażagħ li jaħdem magħhom. Hu semma kemm hu grat li hu parti mill-Unjoni Ewropea, għax permezz tagħha dawn l-attivitajiet huma possibli.

Carlo Rossi, membru fiż-ŻAK f’Malta, iddeskriva kif permezz ta’ din l-attività mhux biss kiber u tgħallem kif ikun mexxej imma spjega wkoll kif din l-esperjenza fejn tgħix u tiddiskuti ma’ persuni minn għaqdiet u pajjiżi differenti hija opportunità li ma ssibx malajr u kullimkien. Huwa kuntent għax ra ammont sabiħ ta’ żgħażagħ bħalu, li lesti jieħdu dan l-irwol ta’ mexxej bis-serjetà u jkomplu jfittxu l-esperjenzi fejn jitgħallmu huma u jwasslu lill-ħaddieħor għand Alla.

Din l-attività ġiet ikkoordinata bil-ħidma tal-Youth Work Coordinator fiż-ŻAK u permezz tal-fondi tal-programm Erasmus+ offruti mill-EUPA (European Union Programmes Agency) ta’ Malta. Dan filwaqt li l-programm ta’ ħidma taż-ŻAK huwa ssapportjat mill-Aġenzija Żgħażagħ permezz tal-fond operattiv INVEST 2023-2025.

Sors: Newsbook.com.mt