Fil‑ġimgħat li ġejjin se jibda r‑restawr minn barra tal‑koppla tal‑knisja arċipretali ta’ Santa Katarina fiż‑Żurrieq. Dan il‑proġett, li ser isir b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal‑Unjoni Ewropea, ser jiswa €70,000. Id‑dettalji tal‑proġett tħabbru dalgħodu mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, mis‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross u mill‑Arċipriet taż‑Żurrieq Dun Karm Mercieca.
Waqt il‑konferenza tal‑aħbarijiet ġie spjegat li matul ix‑xogħol ta’ restawr se titnaddaf il‑ġebla tal‑koppla u jinbidel il‑ġebel li ġarrab l‑akbar ħsara, se jitneħħa l‑membrane u jiġi rrestawrat id‑deffun, u se jiġu rrestawrati wkoll l‑aperturi tal‑injam. Il‑knisja taż‑Żurrieq, li nbniet fis‑seklu 17 u ġiet ikkonsagrara mill‑Isqof Alpheran de Bussan fl‑1731, hi waħda mill‑ewwel knejjes f’Malta mibnija fuq stil Barokk, u hi mogħnija b’diversi pitturi ta’ Mattia Preti.
F’isem il‑parruċċani Żrieqaq, l‑Arċipriet Dun Karm Mercieca rringrazzja lis‑Segretarjat għall‑Fondi Ewropej, lill‑Fondazzjoni Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta u lil dawk kollha li qed jagħtu sehemhom sabiex tiġi rranġata l‑koppla u b’hekk il‑knisja titħares mill‑elementi. L‑Arċipriet awgura li l‑arkitettura u l‑arti ta’ din il‑knisja parrokkjali tkompli tkun espressjoni ta’ fidi li ddawwal ħajjitna, partikolarment fi żminijiet diffiċċli li qed ngħixu bħalissa minħabba l‑pandemija.
Michael Pace Ross qal li dan il‑proġett, li se jiġi jiswa madwar €70,000, ma kienx ikun possibbli li kieku l‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, flimkien mas‑Segretarjat Parlamenti għall‑Fondi Ewropej, ma ħadmux flimkien. Ħabbar li r‑restawr fuq il‑koppla taż‑Żurrieq mistenni jitlesta sal‑aħħar tas‑sena d‑dieħla. Qal li dan il‑proġett ta’ restawr hu wieħed mit‑32 proġett ta’ konservazzjoni u restawr li l‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed twettaq f’diversi parroċċi permezz tal‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali 2014‑2020.
Is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dan l‑investiment il‑paroċċa taż‑Żurrieq se tkun qed tippreserva l‑wirt kulturali reliġjuż biex uliedna jkunu jistgħu ikomplu jgawdu dak li ħallewlna missirijietna. Dr Zrinzo Azzopardi saħaq li dan ix‑xogħol ta’ restawr se jkompli jsebbaħ il‑lokalità taż‑Żurrieq filwaqt li jippermetti li nkomplu nsaħħu l‑prodott turistiku Malti biex nattiraw aktar turisti ta’ kwalità li japprezzaw il‑wirt mżewwaq ta’ pajjiżna.