20 delegat għall‑katekeżi fl‑Ewropa attendew konferenza ta’ tliet ijiem f’Malta fejn ddiskutew il‑ministeru tal‑katekist u l‑irwol importanti li għandu fid‑dinja tal‑lum biex titwassal l‑Aħbar it‑Tajba. Il‑konferenza ġiet organizzata mit‑Taqsima tal‑Katekeżi fi ħdan is‑CCEE (Kunsill tal‑Konferenzi Episkopali Ewropej) flimkien mal‑Konferenza Episkopali Maltija u mas‑Segretarjat għall‑Katekeżi tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Din kienet l‑ewwel darba li d‑delegati ltaqgħu fiżikament minn wara l‑pandemija.
Fil‑laqgħat u d‑diskussjonijiet ta’ dawn it‑tlitt ijiem ħarġet is‑sbuħija tal‑Knisja Kattolika fid‑diversità tagħha fl‑Ewropa u l‑modi differenti kif il‑Kelma qed tixxandar fil‑konkret f’dawn il‑pajjiżi. Fiċ‑ċentru tad‑diskussjoni kien hemm il‑‘motu proprio’ Antiquum Ministerium maħruġ mill‑Papa Franġisku, dwar il‑vokazzjoni tal‑katekist.
Fost id‑delegati kien hemm soru li kienet qed tirrappreżenta l‑Knisja Kattolika fl‑Ukrajna, li tat xhieda dwar kif il‑fidi Nisranija qed tgħin lill‑poplu Ukren f’dan il‑mument diffiċli tal‑istorja tiegħu. Minħabba d‑diversità fil‑mod ta’ kif issir il‑katekeżi u skont il‑kultura partikulari tal‑pajjiżi Ewropej, id‑delegati ħadu lura pajjiżhom il‑prattiċi tajba ta’ pajjiżi oħra biex ikunu jistgħu jadattawhom u jwettquhom f’pajjiżhom.
Wieħed mill‑mistiedna ewlenin tal‑konferenza kien l‑Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, li tkellem dwar it‑tema: “Il‑katekist fid‑dawl tas‑sinodalità”. Huwa qal li l‑katekeżi mhix biss formazzjoni intellettwali iżda hija formazzjoni sħiħa li l‑persuni jirċievu fi ħdan il‑komunità Nisranija. Spjega kif il‑katekeżi hija mixja li tinbena b’mod speċjali bil‑mumenti tal‑ħajja liturġika u tal‑ħidma ta’ karità. L‑Isqof Teuma qal li huwa għalhekk li l‑katekist irid ikun f’mixja ta’ fidi u ta’ konverżjoni kontinwa flimkien mal‑oħrajn biex ikun jista’ jgħin lill‑oħrajn.
Tkellem ukoll is‑Superjur Ġenerali tal‑MUSEUM, Roberto Zammit, li qasam tagħrif dwar il‑kariżmi u l‑ispiritwalità tas‑Soċjetà u enfasizza l‑importanza tax‑xogħol missjunarju li hu ċentrali għall‑viżjoni kateketika tal‑Knisja fi żminijietna.
Għadd ta’ isqfijiet minn pajjiżi differenti Ewropej kif ukoll rappreżentant mill‑Kummissjoni Pontifiċja għall‑Evanġelizzazzjoni l‑Ġdida ħadu sehem b’mod attiv f’dawn il‑jiem tal‑konferenza.
Waqt il‑konferenza l‑parteċipanti żaru l‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta fejn hemmhekk ħadu sehem f’quddiesa mmexxija mill‑Arċisqof Charles Jude Scicluna. Waqt l‑omelija, hu kellu kliem ta’ kuraġġ sabiex minkejja l‑isfidi li toffri din id‑dinja, ikomplu jitħeġġu jwasslu l‑Kelma tal‑Mulej.
Il‑pajjiżi membri tas-CCEE li ħadu sehem fil‑konferenza huma: l‑Albanija, l‑Awstrija, il‑Belġju, il‑Bulgarija, Ċipru, il‑Kroazja, il‑Finlandja, il‑Ġermanja, l‑Irlanda, l‑Italja, il‑Lussemburgu, il‑Polonja, il‑Portugall, ir‑Repubblika Ċeka, ir‑Rumanija, is‑Slovenja, l‑Ukrajna, l‑Ungerija u l‑Iżvezja.