L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

“Nemmen fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja”. Huwa dan li aħna se nistqarru ftit ieħor meta nagħmlu l-istqarrija tal-fidi tagħna. Hu dan li tfisser il-festa li qed niċċelebraw illum, il-festa ta’ Pentekoste, l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli; u għalhekk it-twelid tal-Knisja, li twieldet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Minn nies li aktar moħħhom kif se jsalvaw ġildhom, għamilhom nies li lesti li jagħtu ħajjithom.

Lill-Ispirtu s-Santu ma nistgħux narawh b’għajnejna imma nistgħu nagħrfuh b’qalbna u b’moħħna – nagħrfu l-preżenza tiegħu. L-aktar li nagħrfuh, meta mmorru lura għall-ġrajja ta’ Pentekoste, hi meta naraw il-bidla li ġab f’dawn l-appostli. Minn nies beżżiegħa għamilhom nies li jirbħu l-biża’, nies ta’ kuraġġ. Minn nies li jingħalqu, bil-bibien magħluqa, għamilhom nies li joħorġu ’l barra jxandru l-Bxara t-Tajba. Minn nies li aktar moħħhom kif se jsalvaw ġildhom, għamilhom nies li lesti li jagħtu ħajjithom. Minn nies li kellhom ħafna x’jifridhom, għamilhom nies magħquda flimkien fi Knisja waħda. Minn nies li d-dgħufija kienet tirbaħhom, għamilhom nies li jirbħu d-dgħufija bl-enerġija li tiġi mill-Ispirtu ta’ Alla.

Ara x’bidla seħħet fihom! Ma tispjegahiex din, b’ebda mod, ħlief li din hi bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li dawn in-nies li sa ftit qabel kienu ħarbu fil-passjoni – kważi kollha ħlief wieħed –  u kienu qatgħu qalbhom minn kollox, issa saru, u jsiru aktar ’il quddiem ukoll, nies li joħorġu sa truf l-art ixandru l-Evanġelju.

Kieku ma kienx l-Ispirtu s-Santu li kontinwament iġeddidha, kieku l-Knisja ilha li għalqet u saret xi ħaġa tal-istorja passata u żarmat.

Għalhekk, illum hi ċelebrazzjoni ta’ ferħ kbir għalina, għax niftakru fit-twelid tal-Knisja. L-Ispirtu s-Santu kien hemm fil-bidu tal-Knisja – bil-qawwa tiegħu twieldet – u baqa’ mal-Knisja tul l-istorja tagħha. Hekk biss tista’ tispjegaha l-istorja tal-Knisja. Kieku ma kienx l-Ispirtu s-Santu li kontinwament iġeddidha, kieku l-Knisja ilha li għalqet u saret xi ħaġa tal-istorja passata u żarmat. Imma hu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li kompliet u tkompli l-mixja tagħha fid-dinja.

Aħna lkoll irċevejna l-Ispirtu s-Santu fil-Magħmudija, u fil-Griżma ġiet ikkonfermata din l-għotja. Jekk niftħu qalbna, l-Ispirtu s-Santu jidħol f’ħajjitna u jagħtina l-ħajja, u jagħmel fina wkoll, jekk inħalluh, dik il-bidla li għamel fl-appostli fil-bidu tal-Knisja.

B’liema mod l-Ispirtu s-Santu jaħdem f’ħajjitna?

L-Ispirtu s-Santu jgħinna biex negħlbu l-biża’, biex qatt ma nibżgħu nistqarru li aħna Nsara u nkunu hekk tassew; li nemmnu u li ngħixu dak li nemmnu. L-Ispirtu s-Santu jgħinna negħlbu l-inferiority complex li kultant tidħol fina, li kważi kważi ġġegħilna qisu ma’ ċerti nies niskużaw ruħna li aħna Nsara. Bħala Nsara aħna qatt ma nistgħu nkunu arroganti jew inqisu ruħna superjuri fuq l-oħrajn; imma lanqas għandna naħbu dak li nemmnu meta ma nsibux kunsens mill-oħrajn. L-Ispirtu s-Santu, għalhekk, jagħtina l-kuraġġ biex negħlbu l-biża’ u nkunu tassew Insara li nagħtu xhieda tal-fidi tagħna.

Għax il-Knisja hi l-familja li tgħaqqad ir-razez u n-nazzjonijiet f’familja waħda. Għalhekk r-razziżmu huwa, min-natura tiegħu, kontra dak kollu li tfisser il-Knisja.

L-Ispirtu s-Santu jaħdem f’ħajjitna wkoll billi fina jitfa’ l-imħabba ta’ Alla, ħalli tkun l-imħabba li tmexxina f’ħajjitna fuq l-eżempju ta’ Ġesù u dak li għallimna Ġesù, biex insiru nixbhuh dejjem aktar u tkun l-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn dik li tmexxi kontinwament il-ħajja tagħna.

L-Ispirtu s-Santu jgħaqqadna flimkien, bħalma smajna fil-Kelma ta’ Alla, bħala l-familja tiegħu. Aħna li tgħammidna fi spirtu wieħed, nistqarru fidi waħda, u nkunu magħqudin bħala l-familja ta’ Alla. Rajna x’kien hemm fl-ewwel ġurnata tal-Knisja meta kienu miġburin flimkien nazzjonijiet u razez differenti. Għax il-Knisja hi l-familja li tgħaqqad ir-razez u n-nazzjonijiet f’familja waħda. Għalhekk r-razziżmu huwa, min-natura tiegħu, kontra dak kollu li tfisser il-Knisja.

L-Ispirtu s-Santu jgħinna wkoll billi jqassam id-doni tiegħu u jqajjem il-kreattività ta’ ħafna nies fi ħdan il-Knisja u fis-soċjetà. Illum, meta aħna qed ngħixu f’dan iż-żmien ta’ pandemija, bid-diffikultajiet kollha u r-restrizzjonijiet kollha, ta’ min aħna nagħrfu kemm hija sabiħa din il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fost tant nies illum. Hemm dawk li qegħdin jaħdmu b’ġenoriżità u b’dedikazzjoni mal-morda. Insemmi wkoll il-voluntiera, per eżempju numru sew ta’ voluntiera kkordinati mill-Caritas u mill-parroċċi, li qegħdin kuljum iqassmu l-ikel lill-familji fil-bżonn. Kif qal il-Papa Franġisku, il-karità, l-għajnuna, l-imħabba mhumiex fi kwarantina – qed narawhom! L-istess l-inizjattivi tal-parroċċi f’Malta li joffru spazju lill-istudenti biex ikunu jistgħu jagħmlu l-eżamijiet online fil-kwiet f’postijiet tal-parroċċi stess. Dawn mhumiex ħidmiet tal-Ispirtu s-Santu llum li jqanqal din il-kreattività fl-imħabba? Insemmi tant familji li jippruvaw lit-tfal tagħhom jgħinuhom f’dawn id-diffikultajiet u jgħaddulhom ukoll il-valuri; jgħinuhom jgħixu dan iż-żmien diffiċli f’għożża u fi mħabba. Ukoll tant inizjattivi ta’ appoġġ, ta’ solidarjetà, ta’ viċinanza ma’ dawk li qed ibatu – anke permezz tas-social media. Din hi l-kreattività li jqajjem l-Ispirtu ta’ Alla u hemm bżonn li aħna nagħrfuha u niċċelebrawha għax hu l-Ispirtu li qed jaħdem, illum ukoll, f’ħajjitna.

Għalhekk, it-talba li nixtieq nagħmel li Alla hi biex jgħinna bl-Ispirtu tiegħu ħalli nagħrfu l-ewwel nett il-preżenza tiegħu f’ħajjitna. Ħalli aħna ma nkunux il-ħabbara tal-isfortuna li nxerrdu l-isfiduċja u li nxerrdu wkoll l-aħbarjiet il-ħżiena meta aħna msejħin biex inxerrdu l-Aħbar it-Tajba. Għandna nagħrfu d-diffikultajiet u l-problemi kbar li ngħaddu minnhom fil-ħajja, imma dik li nwasslu aħna għandha tkun l-Aħbar it-Tajba, dik l-enerġija li jagħti l-Ispirtu s-Santu li tirbaħ id-diffikultajiet u li taffaċċja l-problemi kollha bil-qawwa li jagħtina Alla.

Nitolbuh, għalhekk, biex illum jiġi fina lkoll, jimliena bid-doni tiegħu u bil-qawwa tiegħu, jagħtina dik l-enerġija li ħierġa minnu biex f’ħajjitna aħna nkunu tassew xhieda ta’ Ġesù, xhieda fi żminijietna u fis-soċjetà Maltija llum.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju