• ****

    Direttur:    Dexter Fletcher
    Atturi:    Taron Egerton, Hugh Jackman, Christopher Walken, Iris Berben, Mark Benton u Keith Allen
    Ħin tal-Film:    105 min
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:    PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:        15    
     
    Eddie Edwards, ta’ għaxar snin kien joħlom li xi darba jieħu sehem fil-Logħob Olimpiku. Għal dan il-għan kien jgħaddi ħafna ħin jipprattika xi dixxiplina ta’ logħob li ħafna drabi kienet tispiċċa f’diżastru. Ommu kienet itiħ l-appoġġ kollu tagħha kuntrarju għal dak ta’ misseru li xtaqu ħafna li meta jikber jieħu s-sengħa tiegħu ta’kaħħal.  Għal bidu Eddie kien beda jimmira li jieħu sehem fil-Logħob Olimpiku tas-Sajf, iżda meta tfarfar xi ftit,  intebaħ li jkun aħjar għalih li jaqleb għal dak tax-Xitwa. Għalkemm beda juri ħeġġa kbira f’dan l-isport, il-Kumitat Olimpiku tar-Renju Unit ma tantx kien ħerqan li jagħti ċans lil Eddie l-aktar meta hu beda juri ħerqa għal ski jumping.  Il-fatt li r-Renju Unit kien ilu ma jieħu sehem f’din id-dixxiplina għal aktar minn sittin sena, Eddie ma qatgħax qalbu u għalhekk iddeċieda li jmur ġewwa Garmisch-Partenkirchen, fil-Ġermanja fejn hemm kellu kull opportunita’ li jtejjeb is-sehem tiegħu f’dan l-isport. Il-bidu ma kienx faċli għalkemm irnexxielu jaqbeż l-għolja ta’ ħmistax -il metru. Meta ġie biex jaqbeż għall-ewwel darba l-għolja tal-erbgħin metru, Eddie falla u spiċċa korrut  l-isptar. B’xorti tajba ma baqgħax mejjet!  Bronson Peary, li darba kien ski jumper magħruf Amerikan, iżda minħabba l-problema kbira li kellu tax-xorb, tilef kollox, ipprova jipperswadih biex iċċedi kollox.   Iżda Eddie ma kienx sejjer iċċedi malajr. Bronson meta jara d-determinazzjoni li kellu, offra li jibda jħarrġu hu. X’jiġri minn hawn?  Tgħid Eddie jassal li xi darba jieħu sehem fil-Logħob Olimpiku tax-Xitwa u hekk jirrapreżenta lil Renju Unit?  Il-Logħob Olimpiku tax-Xitwa tas-sena 1988, kien sejjer iseħħ ġewwa Calgary, Alberta ġewwa l-Kanada ftit xhur oħra. Eddie kien iddeterminat li jieħu sehem! X’jiġri minn hawn?

    Film biografiku taż-żagħżugħ Eddie Edwards li kien iddeterminat li jieħu sehem fil-Logħob Olimppiku tax-Xitwa tas-sena 1988. Film msejjes fuq storja vera u li għandu jispira lil ħafna biex ma jaqtgħux qalbhom meta ssibu ħafna tfixkil  f’dak li jkunu jixtiequ jwettqu f’ħajjithom.  Minħabba xi xeni ta’ ghera, kif ukoll ċajt goff u doppju sens, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax–il sena.