Photo by MART PRODUCTION

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ittamaw fil-Mulej għal dejjem għax il-Mulej hu l-blata ta’ dejjem” (Iż 26:4). Din hija l-profezija ta’ Iżaija li smajna fl-ewwel qari llum u bħalma għedna nhar it-Tlieta, il-qari tal-Evanġelju fl-ewwel parti tal-Avvent huwa l-milja, it-twettiq tal-profezija ta’ Iżaija.

Allura aħna nifhmu għaliex din il-profezija mill-kapitlu 26 ta’ Iżaija meta jistedinna biex nittamaw fil-Mulej għax il-Mulej hu l-blata ta’ dejjem, tfakkarna f’dak li Ġesù jgħid: Isma’, ibnu d-dar tagħkom fuq il-blat (ara Mt 7:24), anzi, Ġesù jispjegalna xi tfisser. 

Ħa ngħidu ftit xi jkompli jgħid Iżaija: “lil min kien fl-għoli, niżżlu, il-belt imkabbra niżżilha, waqqagħha ’l isfel, fit-trab xeħitha” (Iż 26:5). U Ġesù kważi jieħu dawn it-tixbihat li aħna nsibu f’Iżaija, u jużahom għal min jibni l-ħajja tiegħu, l-għażliet – anke soċjali tiegħu, fuq il-kelma u r-rieda tal-Missier, huwa għal Ġesù dak qiegħed jibni fuq il-blat. Għalih il-Mulej hu l-blata ta’ dejjem.

Jitkellem ukoll Ġesù fuq min jibni fuq ir-ramel, fuq min jgħidlu: ‘Mulej, Mulej,” (Mt 7:22) min jaf kemm jisparalu murtali, idoqqu l-marċi, iżeffen l-istatwi imma mbagħad meta niġu għall-għażliet, nagħmlu li jfettlilna. Il-Mulej qed jgħidilna: jiena ma tantx nimpressjona ruħi bil-paroli, lanqas bil-murtali, la bil-marċi u lanqas bil-bandalori. Min jista’ jifhimni, ħa jifhimni. 

Imma meta niġu għall-għażliet, fuq xiex qegħdin nibnu? Fuq ir-rieda ta’ Alla, Ħallieq ta’ kulħadd, li se jiġġudikana, jew fuq il-ftietaq ta’ moħħna? Għax fil-każ qed nibnu fuq ir-ramel u l-profezija ta’ Iżaija hija ċara ħafna. Ġesù juża l-istess tixbihat.

Ejjew nitolbu dan l-Avvent biex aħna bħala individwi, bħala familji, bħala soċjetà nibnu d-dar tagħna, ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, il-mod kif ngħixu, l-għażliet tagħna fuq il-blat, li hija li nsegwu l-kelma tal-Missier. Hawn min jgħidli: ‘Isma’ int m’għandekx dritt timponi l-ideat tiegħek, ir-reliġjon tiegħek, il-viżjoni tal-ħajja tiegħek fuq ħaddieħor li ma jemminx jew li ma jridx’. Li nimponu qatt. Imma hemm affarijiet, l-aħwa, li ma jiddependux mir-reliġjon imma mid-dinjità tal-bniedem. 

Ħa nieħdu l-każ li qed niddiskutu bħalissa. Li toqtol tarbija fil-ġuf hu ħażin mhux għax qal il-Papa jew għax qed jgħid l-Isqof imma għax hija min-natura tal-bniedem li inti ma tistax tgħid: ‘Jiena nirrispettalek id-dritt tal-ħajja imma noqtlok meta għadek fil-ġuf’. Ma tagħmilx sens. Lanqas tagħmel sens li inti tgħid biex is-saħħa tal-mara tkun OK, noqtol lil xi ħadd. 

Immaġinaw li jkun hemm xi ħadd, xi ġirien, xi ġar li jiena tant tellagħhomli, tant għamilli ħajti infern, kważi huwa theddida għas-saħħa tiegħi, x’se nagħmel, noqtlu jien? Għax huwa theddida gravi għas-saħħa tiegħi, noqtlu jien lill-ġar tiegħi? Mhux nispiċċa Kordin jien għal għomri jekk nagħmel hekk? 

M’għandniex sens allura nifhmu li t-tarbija fil-ġuf li m’għandhiex leħen – imma ’l quddiem tista’, jekk nagħtuha ċans titkellem? Imma ma tistax. Aħna nqisuha bħala grupp ta’ ċelloli għax jiena negħja nisma’ kliem biex ma ngħidux tarbija. Nivvintaw il-kliem kollu possibbli biex ma ngħidux li dik tarbija fil-ġuf. Min jista’ jifhimni, ħa jifhem.

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-Quddiesa
Qari I: 
Iż 26:1-6
Salm: 
117 (118):1 u 8-9,19-21,25-27a
L-Evanġelju: Mt 7:21,24-27