• It-Tlieta 12 ta’ Lulju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Pulizija, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
     

    The Celebration of Mass on YouTube

     
  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    12 ta’ Lulju 2016
     
    Għeżież membri tal-Korp tal-Pulizija,
    L-Evanġelju li għadna kemm smajna (Lq 10, 25-37), silta sabiħa ħafna u unika għall-Evanġelju ta’ San Luqa, joffri messaġġ attwali u urġenti, imma  messaġġ ukoll sabiħ u ta’ kuraġġ għalikom.
    Fil-figura ta’ dan is-Samaritan li aħna nsejħulu s-Samaritan it-tajjeb, għaliex dak li għamel fil-parabbola li jirrakonta Ġesù isir eżempju għalina, fil-ġesti tiegħu faċli tara l-ħidma tal-Korp tal-Pulizija. Ġesù qed jipprova jispjega lil wieħed għaref fil-Liġi min hu l-proxxmu tiegħu. U jirrakkontalu din il-parrabola ta’ wieħed li safa vittma ta’ serq u ġie mnezza, bil-vjolenza ta’ ħaddieħor, mid-dinjità tiegħu. Ġie mbiċċer bis-swat u mitluq nofsu mejjet. 
    Min jaf kemm-il darba fil-ħidma tagħkom tiltagħu ma’ sitwazzjonijiet simili. L-ewwel impatt huwa tagħkom, li tiltaqgħu mal-vittmi tal-vjolenza, mal-vittmi tal-ħruxija tal-għira u anke tar-rebgħa. Ġesù jitkellem dwar żewġ persuni li l-atteġġjament tagħhom huwa ta’ ‘x’jimpurtani, din mhix problema tiegħi’. Inzerta’ kien nieżel qassis minn dik it-triq, ra lil din il-vittma, rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. L-istess ukoll il-levita li mhuwiex saċerdot, imma mill-istess kasta tas-saċerdoti. Meta wasal ħdejn din il-vittma tal-vjolenza u tas-serq, ra, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer.
    Ir-rwol tal-pulizija huwa totalment differenti. L-ewwel stedina tiegħi lilkom illum hija stedina ta’ nkoraġġiment biex quddiem il-vjolenza qatt ma taraw u tħarsu ’l hemm, qatt ma jkollkom il-ħarsa tal-indifferenza imma f’membru tal-Korp li jagħmel ġieħ lill-Korp, irid ikun dan l-istint li jirreaġixxi b’reazzjoni ċivili imma soda.
    Is-Samaritan li jsemmi Ġesù jgħallimna ħafna. “Wasal ħdejh,”  jgħid Ġesù u s-Samaritan “rah u tħassru” (v. 33). Il-kelma ‘tħassru’ huwa sentiment qawwi ħafna; huwa sentiment vixxerali li joħroġ mill-profond tal-qalb, tar-ruħ u tal-moħħ ta’ dan is-Samaritan. Huwa sentiment ta’ kompassjoni, huwa sentiment li jġiegħel lil dan is-Samaritan. Jien ukoll nawgura li kull membru tal-Korp, quddiem il-vittmi tal-vjolenza u tal-krimini, jkollkom din il-kompassjoni, jkollkom din il-ħeġġa li tkunu strumenti tal-ġustizzja u tal-ordni, li huma essenzjali għall-ħajja ċivili tal-Istat.
    Mhux biss tħassru, “resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, imbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu” (v. 34). Kemm tkun ħaġa sabiħa, u jiena persważ li dan huwa minnu, li fil-membri tal-Korp tal-Pulizija, is-soċjetà tagħna tagħraf lil dawk il-persuni ġenerużi li kapaċi jersqu lejn il-vittma tad-delitti b’kompassjoni, b’rispett u b’dinjità, u waqt li jaqdu dmirhom, iwasslu iż-żejt u l-inbid tal-ġustizzja mibnija fuq il-verità, u jagħmlu dak kollu possibbli biex min hu milqut mill-egoiżmu vjolenti ta’ ħaddieħor, isib ħajt ta’ kenn u min jipproteġih.
    Is-Samaritan it-tajjeb ma ħax ħsieb lil dan ir-raġel, vittma tal-vjolenza ta’ ħaddieħor, billi sempliċement poġġih f’lukanda u telaq, ħa ħsiebu, għamel lejl miegħu idewwih, jikkurah, “u l-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu: ‘ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, inroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi’”. Dan il-ħsieb ifakkarna li aħna rridu nagħtu kont ta’ kif nagħmlu d-dover tagħna ta’ servizz lis-soċjetà.
    “Ħu ħsiebu”, dan huwa l-kmand tal-Mulej li jagħti lill-leaders fis-soċjetà, lilkom membri tal-Korp tal-Pulizija, fuq kull ċittadin Malti u Għawdxi: ‘ħu ħsiebu, ħu ħsiebha, meta nerġa ngħaddi, fil-jum tal-ġudizzju, jekk tonfoq xi ħaġa żejda, inroddilek’. Infakkar parabbola oħra li Ġesù jsemmi skont l-Evanġelju ta’ San Luqa: minflok tieħu ħsieb lil min għandek fid-dar, tisker u tibda tabbuża minn min qiegħed fid-dar, meta jiġi lura, is-Samaritan it-tajjeb, li huwa l-Mulej stess, jitolbok kont tal-abbuż tal-poter tiegħek.
    L-accountability tal-Korp tal-Pulizija mhix biss lill-bnedmin, imma lil Alla wkoll. Ibqgħu għożżuh il-motto tagħkom ‘Domine dirige nos’. Hija talba: ‘Mulej, mexxina inti’.
    Aħna għandna bżonn leaders tad-demm u l-laħam, għandna bżonn l-Istat li jagħmel il-liġijiet u l-Korp tal-Pulizija huwa parti minn dan il-mekkaniżmu li permezz tiegħu l-Istat jassigura l-ordni soċjali, il-paċi pubblika, id-dinjità u d-drittijiet ta’ kull persuna umana. Imma jekk aħna ninsew li hemm Ħallieq li lilu wkoll rridu nagħtu kont, allura tisfaxxa d-dinjità taċ-ċittadin għax iċ-ċittadin għandu dinjità li mhux biss garantita mill-Kostituzzjoni, imma ġejja mill-fatt li huwa maħluq jew hija maħluqa xbieha t’Alla. Hu għad jerġa jiġi l-Ħallieq u jitlob kont minn kull wieħed u waħda minna ta’ kemm ħadna ħsieb xulxin, “ħu ħsiebu meta nerġa ngħaddi, inroddlok jien”.
    Kienet ovvja r-risposta ta’ Ġesù għad-domanda tal-għaref tal-Liġi: “Min hu l-proxxmu tiegħi?” (v. 29). Jiena nawgura lil kull membru tal-Korp tal-Pulizija, b’mod speċjali l-membri żgħażagħ li għad ikunu huma l-leaders, mhux biss japprezzaw il-kodiċi tal-kondotta u l-patrimonju ta’ indikazzjonijiet etiċi internazzjonalment rikonoxxuti u promulgati, li huma s-sinsla ta’ Korp tal-Pulizija, li jagħmel ġieħ lill-pajjiż, imma li jiftakru wkoll li jridu jagħtu kont quddiem Alla fil-kuxjenza tagħom tal-aġir tagħkom. “Mur u għamel hekk int ukoll”. Din il-kelma ta’ Ġesù hija kelma ta’ kuraġġ għal kull wieħed u waħda minnkom, hija wkoll kelma ta’ barka u fiduċja.
     
    ✠ Charles J. Scicluna
    ​    Arċisqof ta’ Malta
     
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja