Aktar ritratti fui: knisja.mt/ritratti

L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Għal tliet darbiet, fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħid lill-appostli tiegħu “la tibżgħux”. Kellu raġun jgħidilhom hekk għax seta’ jara minn qabel kif dawn l-appostli, fil-mument tal-akbar tbatija – jiġifieri fil-passjoni u l-mewt tiegħu – beżgħu, u għalhekk kważi kollha telquh.

Imma meta niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu u tahom il-qawwa li għenithom biex jirbħu l-biża’, imbagħad setgħu jiftakru f’dal-kliem li qal Ġesù, meta qalilhom: “La tibżgħux. Dak li ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom fil-widnejn xandruh minn fuq il-bjut.” Fil-fatt hekk għamlu. Dawn in-nies, li kienu nies li jibżgħu, bil-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla għelbu l-biża’, u saru dawk li jħabbru lil Ġesù, qalb ħafna tbatija u persekuzzjoni. Fil-fatt, ħaġa li tinnota fil-ħajja tal-appostli hi li iktar ma kienu ppersegwitati, flok qatgħu qalbhom u qalu “daqshekk”, iktar baqgħu b’ħeġġa jwasslu l-Aħbar it-Tajba.

Din il-kelma, Alla jgħidha dejjem meta hu preżenti: “la tibżax”.  Fl-Iskrittura, kull meta jsejjaħ lil xi ħadd għal missjoni speċjali, l-ewwel kelma hi dejjem din: “la tibżax”. Imma anke lill-poplu, Alla jgħidlu: “la tibżgħux”. U dan li qed jgħid hawn lill-appostli, jgħidu lilna. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nisimgħu din il-kelma ta’ Ġesù li jgħidilna: “la tibżgħux”.

Għandna bżonn dan, għaliex aħna fil-ħajja tagħna ninħakmu kultant minn diversi biżgħat. Hemm biża’ li hu ġustifikat, pożittiv – bħall-biża’ li għexna f’dan iż-żmien tal-pandemija, meta int għax tibża’ għall-ħajja tiegħek u s-saħħa tiegħek, għax tibza’ li tittieħed mill-virus, allura timxi mal-miżuri li jassiguraw li kemm jista’ jkun ma tkunx f’riskju. Dak hu biża’ importanti fil-ħajja, li int ma tqigħedx lilek innifsek f’periklu. Imma fil-ħajja tagħna għandna diversi biżgħat li kultant jaħkmuna u jipparalizzawna. Qishom ma jħalluniex nimxu fil-paċi u ma jħalluniex nagħmlu dak li għandna nagħmlu.

Kultant dawn ġejjin mill-imgħoddi tagħna, bħalma juru l-istudji fuq il-ħajja tal-bniedem. Kultant għal diversi raġunijiet; per eżempju, tibża’ meta jiġi f’moħħok il-futur, l-inċertezza tal-futur tista’ tbeżżgħek ħafna. Daż-żmien, flimkien mal-miżuri li nieħdu għas-saħħa, hemm kultant ukoll dal-biża’ minħabba l-inċertezza tal-futur. Jista’ jkun il-biża’ minn ċerti nies, li kellek esperjenza qarsa tagħhom u kif jiġu f’moħħok, ibeżżgħuk. Jista’ jkun il-biża’ wkoll biex nagħmlu dak li hu tajjeb, minħabba l-oħrajn għax l-oħrajn qishom jikkondizzjonawna u ma jħalluniex nagħżlu dak li hu sewwa.

Għalhekk, hemm bżonn li nisimgħu din il-kelma li jgħidilna Ġesù. Jgħidilna għaliex ma għandniex nibżgħu: għaliex Alla ma jabbandunaniex. Jekk inqiegħdu l-fiduċja tagħna fih, nafu li għandna l-għajnuna li neħtieġu. Alla jieħu ħsiebna. Jieħu ħsieb għasfur tal-bejt, aħseb u ara lilna. Alla ma jitlaqniex waħedna. Jekk aħna jkollna din il-fiduċja fih, din tmexxina ’l quddiem u tgħinna negħlbu l-biżgħat f’ħajjitna.

Għandna bżonn din il-Kelma ta’ Alla, u speċjalment, kif isemmi Ġesù fl-Evanġelju, li negħlbu l-biża’ li kultant jaħkimna u ma jħalliniex nagħżlu dak li hu tajjeb minħabba l-biża’ mill-oħrajn; minħabba li meta aħna nħarsu madwarna, ikun hemm atmosfera li tikkondizzjonana u ma tħalliniex nagħżlu dak li hu tajjeb. Din kienet l-esperjenza li rajna fl-Ewwel Qari fil-ktieb ta’ Ġeremija, meta Ġeremija kien ippersegwitat imma kien jgħid “Il-Mulej huwa miegħi” u din iċ-ċertezza tgħinu biex jegħleb il-biża’ tal-oħrajn u jibqa’ jagħmel dak li hu sewwa.

Aħna għandna bżonn din l-għajnuna minn Alla, din il-qawwa tiegħu, biex negħlbu l-biża’ speċjalment mill-oħrajn għax inkunu kkundizzjonati f’dak li nagħmlu; li ma nibqgħux inxandru dak li hu tajjeb, dak li hu sewwa, għax nibżgħu milli jgħidu l-oħrajn. Kultant jista’ jiġrilna dan, u meta jiġrilna hekk, nindunaw li qed inħallu lill-oħrajn jikkondizzjonawna fil-ħajja tagħna.

Insemmi eżempju: meta aħna – aħna li nemmnu f’Ġesù imma kull min jixtieq dak li hu tajjeb –  niddefendu l-ħajja umana ta’ dawk li huma l-aktar dgħajfa u vulnerabbli. Jista’ jkun il-ħajja umana li għadha kif tnisslet, jista’ jkun il-ħajja umana li qiegħda f’riskju li tegħreq f’nofs il-baħar, ta’ min hu verament dgħajjef u vulnerabbli. Int tista’ tattira ħafna aġġettivi, kultant ħafna insulti, għax qed tiddefendi dak li hu sewwa. Li qed jgħid Ġesù huwa: aħna ma għandniex b’daqshekk ninkwetaw. Anzi bl-għajnuna tiegħu għandna nagħmlu kollezzjoni ta’ dawn l-aġġettivi u nibdluhom f’azzjoni pożittiva favur il-ħajja tal-bniedem u d-dinjità tiegħu. Meta nagħmlu dak li hu sewwa, dak li jgħidilna Ġesù, xejn ma għandu jaqtgħalna qalbna, jiskoraġġina, jimliena b’xi biża’. Dan hu l-messaġġ li qed jagħti lilna llum, li ta lill-appostli f’dak iż-żmien u jagħti wkoll illum lilna li nemmnu fih.

Nitolbu lill-Mulej biex biex jagħtina dan l-Ispirtu ta’ qawwa biex negħlbu l-biżgħat li mhumiex ġustifikati f’ħajjitna, u nitolbuh biex din il-preżenza tiegħu fil-ħajja tagħna lilna tagħtina ħafna paċi f’qalbna u tgħinna wkoll biex nagħżlu dejjem dak li hu sewwa kif għallimna u kif uriena hu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju