Fid-dawl tal-emerġenza preżenti minħabba l-COVID-19, it-Taqsima Refuġjati tal-Kummissjoni Emigranti qassmet mat-80 xirja ta’ ikel u bżonnijiet oħrajn ta’ kuljum lil familji ta’ refuġjati l-iktar fil-bżonn li qegħdin fid-djar immexxija minnha u lil xi familji oħrajn li joqogħdu fil-komunità.
Ix-xirjiet kienu jikkonsistu f’te, kafè, zokkor, għaġin, ross, zalza tad-tadam, żejt, patata, basal, gallettini u Nutella, flimkien ma’ prodotti tal-iġjene personali u għad-dar.
Mons. Alfred Vella, Direttur tal-Kummissjoni Emigranti, li qed imexxi l-inizjattiva, qal li l-ikel inxtara bl-għajnuna ta’ għotja li saret lill-Kummissjoni Emigranti minn familja li għaddiet mill-esperjenza qarsa tal-COVID-19. “Wara li spiċċa kollox b’wiċċ il-ġid, il-membri tal-familja offrew €1,000 b’għajnuna lir-refuġjati u appellaw lil ħbiebhom biex jgħinu huma wkoll,” spjega Mons. Vella.
Għenu ħafna wkoll SOS Malta, li anke ssussidjaw il-prodotti tal-ħaxix, u l-kumpanija Francis Bussuttil and Sons.
Mons. Vella esprima l-apprezzament tiegħu lejn kull min qed jgħin f’din l-inizjattiva, kif ukoll lill-Fundazzjoni Alfred Mizzi li qed jipprovdu ‘Ikla Bnina Kuljum’ lir-refuġjati fid-Dar tar-Refuġjati li l-Kummissjoni Emigranti għandha f’Ħal Balzan, imwassla lilhom mill-voluntieri tal-Caritas.
Id-Direttur tal-Kummissjoni Emigranti appella għal aktar għajnuna biex ikunu jistgħu jintlaħqu aktar refuġjati fil-bżonn.