L-Arċidjoċesi ta’ Malta qed tippubblika direttivi dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi għal din is-sena. Dawn id-direttivi, li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju u japplikaw biss għal din is-sena, jispjegaw b’mod dettaljat dak li kien tħabbar mill-Isqfijiet fiċ-ċirkulari tal-24 ta’ Marzu li għadda u li issa jista’ jiġi attwat. Dawn id-direttivi ġew ippubblikati fuq il-website tal-Arċidjoċesi ta’ Malta knisja.mt. 

Id-direttivi huma bbażati fuq tliet prinċipji: li l-poplu Nisrani jrodd ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħna, speċjalment f’din is‑sena li kienet karatterizzata minn pandemija; li jissaħħaħ is-sens ta’ għaqda fil-komunitajiet Insara; u li tingħata importanza speċjali lill-prinċipju ta’ solidarjetà billi ssir enfasi aktar mis-soltu fuq l-għajnuna li l-Knisja toffri lill-persuni fil-bżonn.

Il-festa ser tkun iċċelebrata permezz ta’ Quddiesa Solenni u pellegrinaġġ mat-toroq tal-belt/raħal, fid-data tal-festa liturġika jew fil-Ħadd li s-soltu tkun iċċelebrata l-festa fix-xhur tas-sajf. Għal dawk il-festi li diġà għaddew ser tinstab ġurnata alternattiva. Il-pellegrinaġġ, li huwa mixja ta’ fidi, ser ikun karaterizzat minn talb parteċipattiv u jista’ jinkludi s-sehem ta’ baned li jakkumpanjaw it-talb b’innijiet reliġjużi. 

Minbarra l-festi fl-irħula u l-ibliet, fl-14 ta’ Settembru ser jiġi organizzat pellegrinaġġ djoċesan ta’ radd il-ħajr lil Alla mmexxi minn Mons. Arċisqof Charles Scicluna, bix-xbieha devozzjonali tal-Kurċifiss meqjum fil-Knisja ta’ Ġieżu, il-Belt Valletta.

L-Isqfijiet jappellaw għall-maturità u l‑koperazzjoni bejn dawk kollha involuti sabiex il‑festa tagħti ġieħ lill‑qaddisin protetturi tagħna u tkun verament espressjoni ta’ radd il-ħajr lil Alla.

Agħfas hawn għad-direttivi dwar iċ-ċelebrazzjoni tal-festi.