L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi” (Ġw 14:8). Il-kliem ta’ Ġesù lil Pietru, li jirrifjuta l-umiljazzjoni tal-imgħallem u l-Mulej, huwa kliem li nixtieq nipproponih lilkom għeżież ordinandi għad-djakonat.

“Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi”. Il-Mulej qed jagħmel ġest ta’ umiltà, ġest ta’ qadi imma wkoll ġest ta’ purifikazzjoni. F’dak li jgħid lil Pietru nistgħu nifhmu li qed ikellem ukoll lill-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna: ħallini nsaffik, ħallini nippurifikak u ħallini naħsillek saqajk għax jekk ma tħallinix m’għandekx bżonni. Jekk m’għandekx bżonni, m’għandekx x’taqsam miegħi għax jiena ġejt biex insejjaħ il-midinbin għall-indiema. Ma ġejtx insejjaħ il-ġusti jew lil dawk li jaħsbu li huma ġusti, għax huma l-morda li għandhom bżonn it-tabib u mhux dawk li jaħsbu li huma b’saħħithom.

Mix-xellug: Fra Ian Zammit (Ordni tal-Predikaturi), Rev. Clive Seychell (Parroċċa ta’ San Ġużepp, il-Kalkara), Rev. Ian Diacono (Parroċċa ta’ Stella Maris, Tas-Sliema), Rev. Gylan Camilleri (Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn) u Fra Manwel Aquilina tal-Beata Marija tal-Inkarnazzjoni (tal-Ordni Karmelitan Tereżjan).

L-ewwel stedina tiegħi, għeżież djakni li se tiġu ordnati minn hawn u ftit ieħor bit-tqegħid ta’ jdejja u t-talba tal-Knisja, hija li intom tħallu lill-Mulej ikun hu l-qaddej tagħkom għax hu ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra. Il-Mulej qed jgħidilkom: “Tiddejqux tammettu li għandkom bżonni għax jien għalhekk ġejt: biex inkun qaddej”.

Kemm hi sabiħa r-risposta ta’ Pietru li jifhem xi jrid Ġesù: “Mulej, mhux saqajja biss imma jdejja u rasi ukoll” (Ġw 13:9). Ġesù jiddikjara li għal min sema’ l-kelma tiegħu u qed jipprova jimxi fuqha, biżżejjed il-ħasil tar-riġlejn. Għal min ma fehemx u ngħata t-tradiment, il-ħaġa ssir itqal. Aħna għandna bżonn nersqu lejn Ġesù u nħalluh jaħsilna bid-demm imqaddes tiegħu; b’dik il-qawwa li tiġi mill-purifikazzjoni li jagħtina hu fl-ispirtu qaddis tiegħu, ta’ rxoxt li hu, ikollna l-qawwa nkunu qaddejja f’ismu.

L-ewwel stedina tiegħi, għeżież djakni … hija li intom tħallu lill-Mulej ikun hu l-qaddej tagħkom għax hu ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.

“Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien li jien il-Mulej u l-Imgħallem ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ġw 13:12-14). Il-qadi reċiproku jesprimi l-imħabba tal-Mulej għal kull wieħed u waħda minna. Il Mulej jinqeda bina biex iħobbna mhux biss fis-sagrament taż-żwieġ imma wkoll fl-esperjenza tal-ħbiberija ta’ kull imħabba u fl-esperjezna wkoll tal-Ordni Sagri li huwa sagrament ieħor, flimkien maż-żwieġ, li jibni l-komunità. L-ewwel grad ta’ dan l-Ordni li jibni l-komunità huwa d-djakonat, il-qadi. Il-Mulej illum tħażżem b’fardal wara li neħħa l-mantar tiegħu u tbaxxa fuq livell l-iżjed qrib tagħna, tbaxxa biex jerfagħna u jagħmilna qaddejja tal-poplu għażiż tiegħu.

“Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti”. Imma dak li kantajna fis-Salm Responsorjali huwa wkoll il-vokazzjoni tagħkom li d-dar tal-Mulej li hija l-Knisja, hija l-ġemgħa, il-komunità, il-poplu ta’ Alla u trid tkun ħafna għażiża għalikom intom u tixxenqu biex tkunu xhieda tat-tenerezza, tal-kompassjoni u tal-viċinanza tal-Mulej għal kull wieħed u waħda minna.

“Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija, ma tmidtx sebgħek u ma tagħmilx deni bi lsienek, jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwah u xxebba qalb l-imnikket, imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam u s-swied tiegħek ikun bħal nofsinhar”. Din hija t-tisfija li l-Mulej irid jgħaddikom minnha biex jippreparakom għad-djakonat u ’l quddiem għall-presbiterat. “Li jneħħi minn nofskom l-hemm ta’ kull tip ta’ moħqrija,” li jgħinkom ma tmiddux sebagħkom biex takkużaw jew biex tgaraw il-ġebel lil xulxin jew lill-poplu ta’ Alla; li ma tagħmlux deni b’ilsienkom. Illum ikkonsagraw ilsienkom lil Alla għat-tifħir tiegħu f’isem il-Knisja u biex twasslu l-kelma tiegħu u la tagħkom u la ta’ ħadd ħlief tiegħu. Ikkonsagraw ilsienkom lilu.

“Jekk inti qalbek toħroġ għall-imġewwaħ, u xxebba’ qalb l-imnikket,” illum ikkonsagrawlu ħajjitkom, qalbkom, moħħkom u l-forzi kollha tagħkom biex tkunu qaddejja qaddisa tal-poplu ta’ Alla. “U hekk id-dawl tagħkom ifiġġ fid-dlam ta’ din id-dinja”. Intom tkunu dawl fl-ispirtu tal-qadi fost id-dlam ta’ tant vjolenza, arroganza u gideb. Imma s-swied tagħkom — li ġej mid-dgħufija u mill-passat tagħkom, mil-litanija tad-dnubiet tagħkom — ippurifikat u maħsul fid-demm ta’ Ġesù, “ikun bħal nofsinhar”.

… illum ikkonsagrawlu ħajjitkom, qalbkom, moħħkom u l-forzi kollha tagħkom biex tkunu qaddejja qaddisa tal-poplu ta’ Alla.

Nirringrazzjaw lil Alla ta’ dawn il-ħames djakni ġodda, li wieħed minnhom hu djaknu Dumnikan li qed jiġi ordnat djaknu proprju llum fil-festa ta’ Dumnikan kbir: San Piju V li għada jagħlaq 450 sena mill-mewt tiegħu. Il-Papa Michele Ghislieri, Papa San Piju V, miet proprju fl-1 ta Mejju 1572, jiġifieri 540 sena ilu. Sar papa fl-1566 ftit xhur wara li spiċċa l-Assedju l-Kbir u waħda mill-ewwel affarijiet li għamel il-Papa San Piju V huwa li jikteb ittra lill-Granmastru de La Vallette jitolbu bil-ħniena biex il-kavallieri ma jitilqux minn Malta biex jiddefendu lill-poplu Malti.

Aħna llum qegħdin hawnhekk għax kien hemm San Piju V li lil La Vallette qallu biex jibni belt iffortifikata. Kien għalhekk li dan il-qaddis hu wieħed mill-patruni tagħna, patrun anke tal-Belt kapitali Valletta. Imma kien il-Papa li rriforma ħafna l-Knisja; kellu fama li kien aħrax jiġifieri t-tenerezza ta’ Ġesù ma nafx kif kienet tidher fih.

San Piju V hu patrun ukoll tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi u kull sena nagħmlu festa għal dan il-qaddis. Darba minnhom, il-Kardinal Ratzinger talabni nagħmel l-omelija u waqt li kont qed infittex biex nipprepara għaliha, skoprejt li waħda mill-ewwel ittri tiegħu kienet lill-Granmastru de La Vallette. Jgħidu li dan il-Papa kellu anke sens ta’ umoriżmu u ftit qabel ma miet jgħidu li qal: “Meta mmut nispera li r-Rumani Rumani jibkuni daqskemm bkew meta sirt Papa”. Dan għaliex meta sar Papa kulħadd ħa qata’ għax kienu jafu li kien ta’ dixxiplina, iżda kultant ikun hemm bżonn id-dixxiplina. Min hu ġenitur jaf x’jiġifieri biex tħobb. Min hu għalliem u min hu f’kull professjoni oħra jaf li għandna bżonn id-dixxiplina, l-ethos. Dik hija wkoll sinjal ta’ mħabba. Aħna nitkellmu ħafna fuq it-tenerezza, il-kompassjoni u l-viċinanza imma jekk l-ordni jisfaxxa, ikollna l-kaos, l-anarkija. Nitolbu ħafna bl-interċessjoni ta’ San Piju V.

Illum għandna wkoll Tereżjan li qed jiġi ordnat djaknu. Nitolbu bl-interċessjoni ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù ta’ San Ġwann tas-Salib biex fil-Knisja f’Malta jibqa’ jkollna din il-preżenza sabiħa ta’ devozzjoni vera lejn Sidtna Marija.

Aħna u nilqgħukom bħala djakni, għeżież ħuti, nilqgħukom bħala don kbir tal-Mulej. Illum il-Knisja titlob fuqkom u magħkom biex tkunu qaddejja qaddisa tal-Mulej. Jalla tkunu dik il-ħmira ta’ qadi li fl-għaġna tal-Knisja tagħtina l-fwieħa tal-ħobż bnin li jsir Ewkaristija u li tagħha, illum, il-Mulej qed jagħmilkom u jordnakom qaddejja.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iżaija 58:9-12
Salm: 84, 2-3, 5-6, 7, 9, 11, 12-13
Qari II: 1 Tim 3: 8-10; 13
L-Evanġelju: Ġw 13:1; 4-17