
Il‑Knisja f’Malta għandha tradizzjoni twila ta’ ħidma favur dawk li huma fil‑bżonn. Bħalissa l‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed toffri residenza u sapport lil madwar 1,600 persuna. Dawn jinkludu tfal u żgħażagħ li jgħixu fid‑djar tat‑tfal, saċerdoti anzjani, persuni b’diżabilità, nies bla saqaf fuq rashom, dawk li qed jingħataw l‑għajnuna biex joħorġu mill‑vizzju tad‑droga, migranti, vittmi ta’ vjolenza domestika, fost oħrajn. Permezz tad‑Djakonija fil‑parroċċi, il-Knisja tgħin ukoll ħafna familji fil‑bżonn. Dawn l-opri ta’ djakonija jeħtieġu l-għajnuna tagħna, kemm permezz tal-volontarjat, kif ukoll permezz ta’ fondi.
Nhar il-Ħadd 19 ta’ April 2026, b’inizjattiva tal-Vigarjat Djakonija tal-Arċidjoċesi, il-Knisja f’Malta tiċċelebra ‘Jum il-Karità’. Fil-quddies kollu tas-Sibt 18 ta’ April filgħaxija u tal-Ħadd 19 ta’ April, ser tingħata l-opportunità biex ngħinu dawn l-opri ta’ karità billi nagħtu l-kontribuzzjoni tagħna b’mod ġeneruż fl-offerta li se ssir apposta fil-knejjes tal-Arċidjoċesi.
Kif qal il-Papa Ljun XIV fl-Eżortazzjoni Appostolika, Dilexi te, “permezz tax-xogħol tagħna, l-isforzi tagħna biex nibdlu l-istrutturi soċjali inġusti jew il-ġesti sempliċi u mill-qalb ta’ qrubija u appoġġ, il-foqra jaslu biex jagħrfu li l-kliem ta’ Ġesù hu indirizzat lil kull wieħed u waħda minnhom b’mod personali: ‘Ħabbejtek’ (Apokalissi 3:9)”.
F’ċirkulari maħruġa apposta lill-parroċċi, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal: “Nixtiequ nieħdu din l-okkażjoni biex, f’isem Monsinjur Arċisqof, nirringrazzjaw lil dawk kollha li joffru ruħhom fil-volontarjat f’dawn l-opri ta’ karità. Nappellaw biex aktar persuni jitħajru minnhom. Nirringrazzjaw ukoll lil dawk kollha li joffru kontribuzzjonijiet materjali jew flus bħala għajnuna għal dawk fil-bżonn.”




