• Nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa f’għeluq il-mitt sena mill-mewt tal-Beatu Charles de Foucauld, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. 
     

    The Celebration of Mass on YouTube

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt, Valletta

    2 ta’ Diċembru 2016

    Kemm hi attwali l-figura tal-Beatu Charles. Huwa bniedem nistgħu nsejħulu modern, avolja qegħdin infakkru l-mitt sena mill-mewt tiegħu. Modern fil-biografija tiegħu, din ir-ruħ irrikwijeta, li b’xi mod dejjem kienet imqanqla bid-domanda tat-tfittxija. L-impressjoni li dejjem iħallili meta naqra’ dwaru hija li kien bniedem li kontinwament ifittex. Anke meta f’żgħożitu ntilef wara ħafna distrazzjonijiet ta’ din id-dinja, bħalma jiġri lilna wkoll. Hu kull ma għamel dejjem għamlu fi grad iżjed għoli jew inkella b’mod l-iżjed spettakolari.

    Iben l-armata u l-eċċessi tagħha, in-nuqqas ta’ reliġjożità, it-tbaħrid, u fl-istess ħin din il-kurżità tremenda li jiskopri kulturi u dinjiet ġodda. Jimpressjonani ħafna l-episodju ta’ ħajtu fejn irnexxielu jiskopri ambjenti fin-Nord Afrika, li l-ebda Ewropew ma kien skopra qabel. Kien scout mhux ta’ Baden Powell, imma fil-veru sens tal-kelma, bniedem li kontinwament ifittex, jiskopri, u dik l-iżvoltà fil-knisja ta’ Saint Augustin ġewwa Pariġi tbiddillu l-fokus tat-tfittxija tiegħu, imma dik il-kurżità tibqa’ hallmark ta’ Charles de Foucauld. Huwa l-protettur naturali ta’ kull min qiegħed ifittex. Huwa l-protettur naturali ta’ min għandu bżonn jiskopri l-ħniena ta’ Alla bħala l-vokazzjoni fundamentali.

    Għalhekk huwa tant approprijat l-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Għerf Kapitlu 11, li huwa innu minsuġ għall-ħniena tal-Mulej: “Sinjur, int tħenn għal kulħadd” (v. 23). Din hija l-bażi fundamentali ta’ dik il-fraternità universali li Charles de Foucauld għex fil-missjoni tiegħu ġewwa l-Afrika, mhux biss Nazzaret imma anke l-Afrika għax jekk hemm xi ħaġa li tgħaqqadna lkoll bħala bnedmin, hija l-ħniena ta’ Alla li hija għal kulħadd. Nistgħu ngħidu li dik ta’ Charles de Foucauld hija fraternità universali, ibbażata fuq il-ħniena universali tal-Mulej.

    Bħall-lbieraħ, fl-1 ta’ Diċembru 1916 dan il-pellegrin solitarju inqatel minn suldat żgħażugħ f’mument ta’ paniku, f’mument ta’ tensjoni, fil-kuntest iżjed mifrux ta’ l-ewwel gwerra dinjija. B’hekk mietet din il-ħabba tal-qamħ biex ma tibqax weħidha. “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha, imma jekk tmut tagħmel ħafna frott”.  F’din il-ħabba tal-qamħ li mietet fir-ramel tad-deżert u li maż-żmien, minħabba l-influss tal-ewwel biografija ta’ Charles, qanqlet diversi nies, anke f’pajjiżna, biex jispiraw ruħhom għall-għażliet radikali ta’ dan ir-raġel.

    Għal żmien uħud mill-ittri awtografi tiegħu indirizzati lill-Poor Clares, kienu fostna, illum għandna l-kopji tagħhom. Minn din il-kelma ta’ Charles li laħqet lil gżiritna, jiena nawgura li tibqa’. L-ittri tiegħu kienu konkreti ħafna bħalma kien konkret hu bħala bniedem, bniedem ta’ ġesti estremi kemm qabel ikkonverta u kemm wara. Mhux bilfors nimitaw ħajtu ad litteram imma hemm spirtu li jagħni lill-Knisja li llum huwa rikonoxxut uffiċjalment wara l-beatifikazzjoni tiegħu fl-2015.

    X’inhu dan l-ispirtu? Huwa l-ispirtu ta’ Nazaret. Għalhekk il-fatt li l-memorja tiegħu taħbat fl-Avvent huwa providenzjali għaliex l-ispiritwalità tiegħu hija dik ta’ Nazaret, ta’ dik id-dar ċkejkna jew l-għar ċkejken fejn kien hemm l-ewwel tħabbira u l-inkarnazzjoni, u fejn Ġesù għex sakemm kellu tletin sena, għax id-data eżatt meta l-familja marret Nazzaret diffiċli tiddeċiedi meta hi, meta rritornaw mill-Eġittu, Ġesù żgur kellu xi sebgħa snin (kien għamel il-preċett, jiġifieri). Minn Nazzaret Ġesù wkoll ħareġ b’kurżità kbira, ta’ tnax-il sena (meta għamel il-Griżma mbagħad), jiddiskuti mad-dutturi. B’xi mod allura Nazaret ukoll hija d-dar tal-kurżità, imma bħalma jgħid Pawlu VI fil-qari li aħna naqraw ta’ kull sena fil-festa tal-Familja Mqaddsa (it-Tieni Lezzjoni mill-Uffiċju tal-Qari), id-dar ta’ Nazaret hija d-dar tax-xogħol, id-dar tat-talb, hija d-dar tas-silenzju, tal-faqar, tal-bżulija u tal-barka ta’ min it-tama tiegħu hija biss fil-Mulej.

    Ħaġa li timpressjonak meta tmur Nazaret hija li għalkemm hemm ħafna layers ta’ konkrit u ta’ konkos fuq dan l-ambjent, xorta hemm dik is-sempliċità li tallarmak kważi, u din hija s-sempliċità li Charles de Foucauld għex fid-deżert. Għamlu tajjeb is-segwaċi tiegħu li realizzaw li d-deżert ma ssibux biss fir-ramel, imma tista’ ssibu wkoll fil-belt. Carlo Carretto li żgur kien ispirat mill-ispiritwalità ta’ Charles de Foucauld u li kiteb il-ktieb Il Deserto nella Città jgħallimna kif aħna nistgħu nidħlu fid-deżert fost it-taqlib tal-ħajja ta’ kuljum. Il-kuraġġ li nagħmlu l-ispazju tagħna tad-deżert, li f’kull ħin tal-ġurnata ngħixu dak l-ispirtu ta’ adorazzjoni, li napprezzaw il-qawwa tal-preżenza silenzjuża, umli, radikalment fqira ta’ Ġesù fl-Ewkaristija fejn Ġesù huwa l-iżjed elokwenti, Ġesù huwa l-iżjed qawwa, Ġesù huwa l-iżjed attraenti.

    Charles de Foucauld jgħallimna wkoll li d-djalogu anke jekk huwa djalogu mat-torox, ma’ min ma jridtx jisma’, ma nistgħu qatt naqtgħu qalbna minnu. Għażel li jgħix f’ambjent li mhux bilfors ried jew seta’ jilqa’ l-proposta tiegħu, imma li kellha l-qawwa tal-preżenza. Għal min ma jistax jagħmel il-pellegrinaġġ għal Nazaret fejn huwa midfun, wieħed jista’ jmur Tre Fontane fejn hemm is-Sorijiet u jsib ukoll ir-relikwi tiegħu u l-affarijiet li kien juża’ biex iqaddes. Jiena dejjem tolqotni kull meta mmur, is-semplicità tal-affarijiet li kien juża’, u b’xi mod għal bniedem li kellu sensibbilità raffinata, għalkemm avventuruża wkoll, hemm l-għażla li jasal għall-essenzjal.         

    Jiena naħseb li l-preżenza ta’ Charles de Foucauld fostna, permezz ta’ nies ispirati mill-ispiritwalità tiegħu, għandna din il-missjoni partikolari li dejjem isejħilna għall-essenzjal, li aħna, fost il-ħafna saffi ta’ sekli, ta’ tradizzjoni, ta’ mġiba, ta’ kliem, insibu l-kelma li hija l-Evanġelju ta’ Ġesù. Kultant nintilfu f’dawn il-ħafna layers u ma naslux għall-qalba tal-Evanġelju imma kif titlob il-Knisja fil-liturġija ddedikata lill-Beatu Charles, aħna għandna bżonn l-għajnuna tal-Missier biex insibu fl-Evanġelju l-qawwa tal-ħajja Nisranija. Għalhekk mhux faċli tinsa kemm Charles de Foucauld għandu wkoll l-ispirazzjoni simili għal San Ġorġ Preca, wara kollox dawn iż-żewġ qaddisin kienu kontemporanji sakemm Charles miet fl-1916 u għal Ġorġ Preca beda t-taħbit tal-inkjesta djoċesana. Għal Ġorġ Preca, il-kbir kien għadu ġej, imma hemm din ir-radikilità, din l-imħabba lejn Ġesù, din il-lealtà lejn ‘Leħen il-Maħbub’, dan l-għatx li Ġesù jkun magħruf u maħbub.

    Soċjetà li minflok demokrazija qiegħda tevolvi f’kerdokrazija. X’inhi kerdokrazija? Huwa terminu ġdid biex tispjega soċjetajiet li huma bbażati fuq il-qligħ tal-flus u fejn il-politika qiegħda hemm biex tqallak l-flus u li inti titkejjel mhux kemm inti lest għad-djalogu imma kemm għandek flus fil-kontijiet. Dik hija l-kerdokrazija, soċjetà li sfortunatament qed tevolvi minn demokrazija ta’ kerdokrazija, il-kelma ta’ Charles hija kelma urġenti, anke għall-Knisja hija kelma urġenti. Għall-bniedem kontemporanju li s-suċċess tiegħu jitkejjel minn kemm hu twil il-jott, mhux jekk għandekx jott, kemm hu twil, kemm għandu piedi, u l-karozza kemm hi kbira, id-dar kemm hi kbira, jekk għandhiex swimming pool jew le – dawn l-affarijiet li jsewdulek qalbek meta jsiru kriterju tal-kwalità tal-ħajja. Charles de Foucauld jgħallimna li l-kwalità tal-ħajja tiddependi mhux minn dawn l-affarijiet, mhux x’għandek, bħalma jgħid anke Pawlu VI fl-Evangelii Nuntiandi mhux “il-have” imma “il-being”, mhux propju x’għandek imma min int. F’Charles de Foucauld l-għażla tal-faqar radikali jsir totalment ta’ Ġesù, totalment ta’ Ġesù u jgħallimna bis-sempliċità ta’ lbiesu, bis-silenzju tiegħu, bis-solitudni tiegħu x’inhu verament l-essenzjal.

    Għalhekk b’xi mod, dan l-anjostiku li sar bniedem ta’ fidi u beatu, jikkonferma l-għerf ta’ anjostiku Franċiż Etienne de Saint Exupery: l-essenzjal tarah bil-qalb “with the heart. What is essential is seen by the heart”. Dan qed jgħidu l-lupu lill Little Prince fil-ktieb Le Petit Prince. Dan huwa għerf tal-qalb li hemm bżonn jibqa’ magħna u nitolbu għas-soċjetà tagħna li donnha qed titlef il-boxxla, li terġa’ tiggwadanja dak l-għerf tal-qalb li bih kapaċi aħna naraw verament dak li hu essenzjali u dan jagħmel lil Charles de Foucauld qaddis urġentement attwali u ta’ dan id-don mitt sena wara li waqgħet dik il-ħabba tal-qamħ fl-art nirringrazzjaw, lill-Mulej. 

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta