-
-
Nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Novembru 2015, kienet organizzata Konferenza dwar il-Motu Proprio tal-Papa Franġisku MITIS IUDEX DOMINUS IESUS. Permezz ta’ dan id-dokument, li ġie ippubblikat fit-8 ta’ Settembru 2015 u li ser jidħol fis-seħħ nhar it-Tlieta, 8 ta’ Diċembru 2015, Festa ta’ Marija, Immakulata Kunċizzjoni, il-Papa irriforma l-proċeduri li japplikaw fit-Tribunali tal-Knisja Kattolika Latina, fil-proċessi dwar id-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ żwieġ. Il-Papa ippubblika ukoll dokument ieħor simili bl-isem ta’ MITIS ET MISERICORS IESUS, li jirriforma liġijiet simili fil-Knisja Kattolika Orjentali.
Għall-Konferenza kienu preżenti l-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Mario Grech u l-Membri kollha tat-tlitt Tribunali tal-Knisja fil-Gżejjer Maltin – dak Metropolitan ta’ l-Ewwel Istanza, dak ta’ l-Ewwel Istanza tad-Djoċesi ta’ Għawdex, u dak Reġjoniali tat-Tieni Istanza. Għamel diskors dwar il-Motu Proprio Monsinjur Joseph Bajada, Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal Reġjonali u wara kien hemm diskussjoni dwar l-istess suġġett. L-għan ta’ dan kien li l-Membri kollha tat-Tribunali jkunu mgħarrfa sewwa bir-riformi li dalwaqt jidħlu fis-seħħ biex b’hekk jagħarfu jagħtu l-aħjar servizz pastorali lil dawk fost il-poplu ta’ Alla f’dawn il-gżejjer li jfittxu l-għanuna ta’ dawn l-istituzzjonijiet.
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja