• Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-persuni b’diżabilta’, se jiġi organizzat kunċert fil-Katidral tal-Imdina nhar il-Ħamis 1 ta’ Diċembru fis-7.30 p.m. b’risq id-Dar tal-Providenza. Il-kunċert se jittella’ mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, bil-kollaborazzjoni ta’ RTK4Charity. Il-kunċert se jkun taħt il-patroċinju tal-E.T. il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u l-Arċisqof Charles J. Scicluna. 

    Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Jonathan Borg. Se ddoqq fost l-oħrajn kompozizzjonijiet ta’ Nino Rota: Legend of the Glass Mountain ta’ John Stevens, Benediction ta’ Hay Malotte, The Lord’s Prayer u Tantum Ergo ta’ Paolo Nani. Il-Banda tal-AFM se tkun akkumpanjata mill-kor Coro Bel Canto. Kompożizzjoni oħra hija silta’ mill-musical: San Ignazju ta’ Loyola, bi kliem ta’ Dr John A. Agius u mużika ta’ Bdr Twanny Borg. 

    Id-diskors prinċipali se jsir minn Annebelle Xerri, li ta’ sitt snin tilfet is-smigħ, u li f’Ġunju li għadda ngħatat The Queen’s Young Leaders Award, u li jingħata fost 45 pajjiż tal-Commonwealth. 

    Matul din is-serata se jingħata wkoll il-premju Mons. Mikiel Azzopardi, li 50 sena ilu, ħolom bid-Dar tal-Providenza. Illum din id-Dar ghandha mal-mitt resident fi djar differenti, tmexxi erbat’idjar fil-komunita’ u toffri wkoll servizz ta’ respite. Biex twettaq din il-ħidma, id-Dar tal-Providenza għandha bżonn mal-erba’ miljun Ewro fis-sena. 

    L-inizjattiva tal-RTK4Charity – Dar tal-Providenza huwa biex jinġabru aktar fondi b’riżq l-istess Dar. 

    Dħul għall-kunċert huwa bla ħlas u kulħadd mistieden jattendi.  

    Biljetti bla ħlas jinkisbu billi ċċempel fuq 7949 3923 jew jintbgħat email fuq [email protected].