
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mimlija bil-grazzja” (Lq 1:28). Dan huwa l-kliem li l-anġlu Gabriel qal lil Marija, kif rajna fl-Evanġelju skont San Luqa, u huwa kliem li ngħidulha fit-talba “Sliem għalik Marija, bil-grazzja mimlija”. Huwa kliem speċjali għax huwa l-uniku post fl-Evanġelju fejn hi użata din l-espressjoni. Ħadd ħlief Marija ma jissejjaħ “mimlija bil-grazzja”.
Huwa proprju dan li qed niċċelebraw illum fis-Solennità ta’ Marija mmnissla mingħajr dnub – l-Immakulata Kunċizzjoni – u meta aħna nħarsu lejn Marija “mimlija bil-grazzja”, naraw fiha din l-opra kbira li Alla għamel. Kien għalhekk li Marija, l-Evanġelju jgħid, “tħawdet ħafna” (Lq 1:29) meta semgħet dan il-kliem. Innutaw li l-Evanġelju ma jgħidx li tħawdet ħafna meta l-anġlu qalilha “int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben” (Lq 1:31), imma tħawdet qabel, meta semgħet il-kliem “mimlija bil-grazzja”. Dan għaliex hija kbira wisq li l-anġlu jsejħilha hekk.
Dak hu li Alla għamel magħha, meta niċċelebraw illum it-tnissil bla tebgħa, jiġifieri li Alla lil Marija ħarisha minn qabel mit-tebgħa tad-dnub tan-nisel, waqt li lilna jippurifikana minn dan id-dnub. Lilha ħarisha minn qabel.
Hija festa kbira għall-Knisja kollha, hija festa għażiża ħafna għall-Ordni tal-Franġiskani Konventwali. Nixtieq li nħarsu lejn Marija l-Immakulata Kunċizzjoni u naraw x’inhu l-messaġġ li tagħi lilna llum għal ħajjitna.
Nagħrfu li l-grazzja ġejja minn Alla
L-ewwel nett, Marija mimlija bil-grazzja turina li hu Alla li jqaddisna, mhux aħna li nqaddsu lilna nfusna. Minnu tiġina l-grazzja, minnu tiġina li aħna nistgħu ngħixu tassew fil-grazzja tiegħu. Fil-fatt, mhux Marija għażlet, imma kienet għażla ta’ Alla, minnu ġiet l-inizjattiva. Dan narawh dejjem fl-Istorja tas-Salvazzjoni, minnu tiġina l-grazzja.
Tajjeb li aħna nagħrfu dan fil-ħajja tagħna – minnu niddependu. Mhux aħna li nsalvaw lilna nfusna, huwa Alla li jsalvana.
X’jitlob minna? Dak li għamlet Marija. Marija għarfet li mhux minnha kien ġej il-messaġġ tal-anġlu. Imma, min-naħa tagħha, li kien qed jitlob minnha hu li twieġeb, kif fil-fatt wieġbet: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Għalhekk, minna wkoll dak li jitlob Alla. Il-grazzja tiġi minnu, l-inizjattiva tiġi minnu, imma minna jitlob dik il-qalb miftuħa li lesta tilqgħu, li lesta tqiegħdu l-ewwel fil-ħajja, li lesta tgħix fil-grazzja tiegħu.
Hu f’dan li Marija qalbet l-istorja ta’ Eva. Rajna fil-Ktieb tal-Ġenesi kif id-dnub ġab sitwazzjoni fejn kulħadd iwaħħal f’ħaddieħor: Adam iwaħħal f’Eva, anzi jwaħħal ukoll f’Alla, għax jgħidlu “il-mara li inti tajtni” (Ġen 3:12) – speċi, kieku ma tajtnix lil din, kien ikun aħjar; Eva twaħħal fis-serp. Li ninnutaw hu dan: araw id-differenza bejn Eva u Marija. Eva riedet, bħal Adam, li ssir “bħal Alla” (Ġen 3:5) – Marija riedet tkun “il-qaddejja” (Lq 1:38) ta’ Alla; Eva fittxet lilha nnifisha, Marija fittxet li Alla jkun l-ewwel fil-ħajja tagħha.
Dan hu l-ewwel messaġġ: li Alla jagħtina l-grazzja, imma hi r-responsabbiltà tagħna li u bħal Marija aħna nilqgħu din il-grazzja, u Alla mbagħad magħna jagħmel ħwejjeġ kbar.
Nagħżlu l-ġmiel u s-sbuħija
It-tieni punt li nixtieq li nirriflettu fuqu: meta naraw l-Immakulata Kunċizzjoni, aħna naraw il-ġmiel u s-sbuħija li joħloq Alla. Alla joħloq is-sabiħ, dak li hu ġmiel, dak li hu veru, dak li hu xieraq. U dan b’kuntrast ma’ dak li kultant tkun l-esperjenza tagħna l-bnedmin, imma speċjalment ma’ dak li jfisser id-dnub, għax id-dnub ifisser li aħna nagħżlu dak li hu ħażin, dak li hu ikrah, dak li jġib id-dwejjaq, dak li jġib id-diviżjoni, sitwazzjoni ħafna agħar għall-bniedem.
Meta Alla għażel lil Marija biex tkun hi l-imnissla mingħajr tebgħa ta’ dnub, qed jgħidilna: ara l-kapolavur li nagħmel jiena. Qed jgħidilna: dan fittxu fil-ħajja. Tfittxux dak li hu ħażin, għax dak qatt ma jwassalkom biex tkunu ferħanin u fil-paċi; imma fittxu dak li hu sabiħ, dak li hu ġmiel, dak li hu tassew ir-rieda ta’ Alla. U meta nfittxu lil Alla, hemm naraw tassew kemm ħajjitna tkun isbaħ, u kemm nagħmlu l-ħajja tal-oħrajn isbaħ.
Dan hu messaġġ importanti, għax kultant tidħol il-mentalità li naqilbu l-affarijiet rashom ’l isfel: il-ħażin nibdew insejħulu tajjeb, biex nistgħu nkomplu nagħmlu l-ħażin; dak li ma jogħġobx lil Alla nsejħulu “stil ta’ ħajja”, biex nistgħu nkomplu ngħixu kif irridu. Imma dan qatt ma jġibilna tassew il-paċi f’ħajjitna. Meta nħarsu lejn Marija kollha ġmiel u sbuħija, għandna ngħidu: dak għandna nfittxu, ’l hemm għandna nimxu fil-ħajja tagħna. Bid-difetti tagħna, bl-iżbalji u bid-dnubiet tagħna, bil-limitazzjonijiet tagħna – imma għandna nfittxu dejjem li ħajjitna jkollha din il-mira: li nfittxu dak li hu sabiħ, dak li hu ġmiel, dak li tassew jista’ jġib f’ħajjitna l-paċi, l-imħabba u l-ferħ.
Niċċelebraw il-ħajja
It-tielet punt huwa marbut mal-isem ta’ din il-festa: “Immakulata Kunċizzjoni”. Hi mnissla mingħajr tebgħa. X’ifisser dan? Aħna ma niċċelebrawx lil Marija mwielda mingħajr dnub; aħna niċċelebraw lil Marija mnissla mingħajr dnub. Fl-istess festa li nagħmlu llum, hemm il-messaġġ tant importanti għall-ħajja tagħna: li l-ħajja umana tibda mat-tnissil. Hemmhekk diġà hemm ħajja umana.
Għalhekk niċċelebraw it-tnissil bla tebgħa ta’ Marija. Aħna ma niċċelebrawx ftit ċelloli li kienu mingħajr dnub u li mbagħad b’xi mod saru Marija. Aħna niċċelebraw lil Marija mnissla mingħajr dnub – li tfisser li l-ħajja umana tibda mat-tnissil. Mhijiex il-fidi tagħna li turina dan, imma hija x-xjenza li turina dan b’mod ċar; il-fidi tgħidilna li ladarba hemm ħajja umana mat-tnissil, aħna għandna nirrispettawha, ngħożżuha, nipproteġuha mill-ewwel mument tagħha meta hemm diġà ħajja ta’ bniedem.
Dan hu l-messaġġ li tagħtina Marija Immakulata Kunċizzjoni llum. Tgħidilna: ma tistgħux tiċċelebraw il-Festa tal-Kunċizzjoni jekk intom f’moħħkom għandkom li l-ħajja tibda meta tgħidu intom, f’mument ieħor. Dan hu messaġġ ħafna importanti għalina f’Malta, biex aħna nkomplu ngħożżu l-ħajja umana dejjem – u mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, fejn diġà hemm ħajja ta’ bniedem.
Nilqgħu l-Omm li takkumpanjana
F’din il-festa sabiħa, nitolbu lil Marija biex tkompli tgħinna fil-mixja ta’ ħajjitna. Alla tahielna bħala Omm biex tkompli takkumpanjana, tmexxina, u tħarisna. It-talba tiegħi hi għalina lkoll. Nitlob għall-Patrijiet Franġiskani Konventwali, speċjalment dawn li qegħdin Malta, biex bħala Patruna tagħhom, l-Immakulata Kunċizzjoni tkompli takkumpanjahom fil-ħajja reliġjuża u l-missjoni tagħhom. Nitlob għalina lkoll, għall-familji tagħna, u għas-soċjetà tagħna biex dejjem tkompli tgħożż lil Marija, l-Omm li tana Alla mimlija bil-grazzja. U meta nħarsu lejha, meta nitolbuha, meta nilqgħu l-għajnuna tagħha, nagħrfu li aħna mexjin fit-triq it-tajba li twassalna tassew għas-sema pajjiżna.
O Marija li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqlgħalna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




