Nhar l-Erbgħa 26 ta’ Settembru 2012, saret konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-dar tal-anzjani ‘Dar Sagra Familja’, in-Naxxar. Indirizza il-konferenza tal-aħbarijiet is-Sur Joe Rossi, Manager tad-Dar, is-Sur Paul Portelli, Direttur għad-Djar tal-Knisja għall-Anzjani u Mons. Anton Portelli, Segretarju Amministrattiv tal-Kurja.

F’dawn l-aħħar ħames snin, il-Knisja f’Malta ħarġet aktar minn miljun u mitt elf Ewro biex tissussidja l-ħames djar tal-anzjani li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tagħha, u li fihom llum jgħixu madwar 240 resident. Waħda mill-inizjattivi li ttieħdet f’Dar Sagra Familja, biex din issir aktar sostenibbli, hija l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi. Proġett li ġie jiswa 70,000 Ewro u li nofshom tħallsu minn fondi tal-Unjoni Ewopea.

Monsinjur Anton Portelli qal li minkejja l-isfidi finanzjarji, il-Knisja hija mpenjata li żżomm id-djar tal-anzjani miftuħa biex tkompli taqdi l-missjoni Nisranija tagħha favur dawk li għandhom bżonn din il-kwalita’ ta’ kura.