Nhar is‑Sibt li ġej, 23 ta’ April 2022, għadd ta’ parroċċi f’Malta se jiġbru affarijiet bażiċi u essenzjali li għandu bżonn bħalissa l‑poplu Ukren. Din l‑inizjattiva qed tiġi kkordinata mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta permezz tal‑Koperattiva LOOP.
Il‑prodotti meħtieġa jinkludu: ikel tat‑trabi, frott, ħaxix u laħam fil‑bottijiet, ħalib long‑life, juices, cereal bars, ikel li jsir malajr bħal noodles, ħrieqi tat‑trabi u l-adulti, diżinfettanti, prodotti għall‑iġene personali għall‑irġiel u għan‑nisa, toothpaste u mouthwash, sleeping bags, kutri, vacuum flasks kbar, lampi rechargeable u power banks għall‑mobile phones. Il‑lista sħiħa tal‑affarijiet li se jinġabru tista’ tinkiseb minn fuq il‑website djakonija.org.
L‑affarijiet jistgħu jitħallew fil‑knejjes parrokkjali tal‑Imqabba, in‑Naxxar, Pembroke, il‑Qawra u Wied il‑Għajn bejn is‑1pm u s‑7pm. Mhux se jiġu aċċettati affarijiet oħra li mhumiex imniżżla fil‑lista ta’ oġġetti mitluba speċifikament mill‑Knisja fl‑Ukrajna.
Il‑prodotti kollha li jinġabru se jintbagħtu l‑Ukrajna f’kontejner u jitqassmu minn Caritas Ukraine li fis‑sitwazzjoni mwergħa ta’ bħalissa qed tgħin tfal, nisa u anzjani li qed jaħarbu mill‑gwerra.
LOOP hi koperattiva soċjali tal‑parroċċi Maltin li hi ffurmata minn diversi entitajiet tal‑Knisja f’Malta li jaħdmu mill‑qrib mal‑batut u dawk fil‑bżonn.