• Ir‑Regolamenti għad‑Dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja għas‑sena skolastika 2017‑2018 ġew ippublikati fuq din il‑websajt (agħfas hawn). B’kollox ser ikun hemm total ta’ 1,564 post vakanti. L‑applikazzjonijiet jistgħu jsiru jew onlajn minn nhar l-Erbgħa 16 ta’ Novembru 2016, jew f’waħda minn diversi skejjel tal‑Knisja bejn Novembru 2016 u Frar 2017 kif indikat fir-regolamenti. Il‑proċess tad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel u t‑tieni sena kindergarten, fl‑ewwel sena primarja u fl‑ewwel sena sekondarja. Lista tad‑dokumenti meħtieġa, il‑ġranet meta wieħed għandu japplika u aktar dettalji huma mniżżla fir‑Regolamenti għad‑Dħul.

    Għas‑sena skolastika li għadha kif bdiet (2016-2017), fl‑iskejjel tal‑Knisja applikaw 3,715 student li minnhom ġew milqugħa 1,750 fid‑diversi livelli. Filwaqt li ma kienx hemm postijiet biżżejjed għal dawk kollha li applikaw, fl‑ewwel sena sekondarja s‑subien kollha li applikaw ġew offruti post f’xi skola tal‑Knisja.

    Skont kif spjegat fir‑Regolamenti li għadhom kif ġew ippublikati, f’Novembru ser jintlaqgħu l‑applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju: tfal li huma fi djar tal‑Knisja, tfal tal‑impjegati li jaħdmu fi skola tal‑Knisja, aħwa li għandhom ħuthom fi skola tal‑Knisja, transfers bejn skejjel tal‑istess kongregazzjoni, dawk eżentati mill‑attendenza, u tfal li qegħdin fi skejjel tal‑Knisja bla kontinwità.

    F’Jannar u Frar 2017 jintlaqgħu l‑applikazzjonijiet ta’ applikanti oħra li jew għadhom ma bdewx jattendu skola jew qed jattendu skola tal‑Istat jew skola indipendenti.  

    In‑numru ta’ postijiet vakanti għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja fis‑sena skolastika 2017‑2018 huwa kif ġej:

    Sena

    Postijiet Vakanti

    Subien

    Postijiet Vakanti

    Bniet

    Total

    Postijiet Vakanti

    L‑ewwel sena kindergarten

    69

    99

    168

    It‑tieni sena kindergarten

    142

    320

    462

    L‑ewwel sena primarja

    377

    237

    614

    L‑ewwel sena sekondarja

    273

    47

    320

    TOTAL

    861

     703

    1,564

    Ser jingħataw ukoll numru ta’ postijiet lil tfal ikkunsidrati bħala każijiet serji li għalihom hemm regolamenti speċifiċi. Il‑każijiet serji jinkludu tfal li għandhom bżonn l‑għajnuna ta’ LSA, każijiet soċjali u każijiet ta’ tfal refuġjati. Il‑każijiet serji jsegwu proċess parallel għall‑applikazzjonijiet l‑oħra u jibdew jintlaqgħu f’Novembru 2016 għal dawk tal-ewwel kriterju u f’Jannar 2017 għall-applikazzjonijiet oħra. Dawk li ser japplikaw f’dan il‑kriterju għandhom isegwu l‑istruzzjonijiet ippublikati fir‑Regolamenti tal‑Każijiet Serji fuq din il‑websajt.