-
-
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) stiednet mill-ġdid lill-Gvern biex iniedi studju nazzjonali dwar il-proprjetà. Il-Kummissjoni għamlet dan l-appell f’ittra mibgħuta lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, fejn talbet li din il-proposta tiġi kkunsidrata fil-Baġit għas-sena d-dieħla. Din hija t-tielet sena konsekuttiva li l-KA qed tagħmel din it-talba lill-Gvern.
Il-kummissjoni tqis li l-ħtieġa għal dan l-istudju hija urġenti hekk kif is-sitwazzjoni tal-proprjetà saret iktar serja mill-aspett soċjo-ambjentali. Dan minħabba li fost l-oħrajn it-torrijiet f’inħawi residenzjali qed ikomplu jogħlew u jħallu impatt negattiv fuq il-komunitajiet; il-bini ’l barra miż-żoni tal-iżvilupp qed jikber b’mod allarmanti; iż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà qed ixxekkel lill-koppji żgħażagħ milli jixtru djarhom; u t-tkabbir ekonomiku sostanzjali u ta’ malajr qed iġib miegħu problemi kbar fis-suq tal-proprjetà u t-tessut soċjo-ambjentali.
Il-KA ħeġġet lill-Gvern biex ma jħallix żvilupp mgħaġġel u mhux sostenibbli jiddetta l-politika ekonomika ta’ Malta, iżda jara li l-ekonomija tikber b’mod responsabbli b’tali mod li s-suq tal-proprjetà jgawdi minnu l-ġid komuni tal-pajjiż.