-
-
Il‑Ħadd 25 ta’ Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa Stazzjonali fis‑Solennità tat‑Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.
The Celebration of Mass on YouTube
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
-
Konkatidral ta’ San Ġwann
25 ta’ Diċembru 2016“Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla li hu fil-ħdan il-Missier” (Ġw 1, 18). Dan il-kliem mill-Ewwel Kapitlu tal-Evanġelju skont San Ġwann huwa kkonfermat bit-Tieni Qari li smajna mill-Ittra lil-Lhud: “f’dan l-aħħar żmien il-Mulej kellimna permezz ta’ Ibnu” (Lhud 1, 2).
Fit-tarbija ta’ Betlehem aħna nilmħu lill-Mulej li sar bniedem għalina, il-misteru kbir li fl-Evanġelju ta’ San Ġwann huwa deskritt bi frażi li aħna l-Maltin u l-Għawdxin tant aħna midħla tagħha: “il-Verb sar Bniedem u għammar fostna, Verbum Dei caro factum est” (Ġw 1, 14).
Dan l-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann li l-Knisja xxandar fil-jum tal-Milied ta’ kull sena, hemm kliem li jipprova jesprimi l-qalb ta’ din il-festa: ħajja, dawl, grazzja u verità. Aħna u nħarsu lejn il-wiċċ ħelu tat-tarbija ta’ Betlehem, illum nieqfu biex b’għaġba kbira, b’ammirazzjoni kbira, aħna nirringrazzjaw lill-Mulej tad-don tal-ħajja. Dak li ta l-ħajja lil kull ħlieqa, sar ħolqien.
Nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan il-misteru ta’ dawl. Id-dlam li kultant inikket il-qalb tagħna, mhux se jkollu l-aħħar kelma. Kultant tiġina din it-tentazzjoni li naħsbu li d-dlamijiet se jgħelbu d-dawl, li jibqa’ jiddi fil-qalb ta’ kull bniedem anke fl-agħar ċirkostanzi. “Id-dawl jiddi fid-dlam imma d-dlam ma għelbux” (v. 5).
Fil-lejl tal-Milied, fil-ħemda, jiddi dawl kbir. Tingħata aħbar: “tweldilna Salvatur” (Lq 2, 11), u żewġ kelmiet li jinsisti fuqhom Ġwanni l-Evanġelista fit-tieni parti tal-prologu tiegħu, tal-introduzzjoni għall-Evanġelju, huma “grazzja u verità” (Ġw 1, 17). F’dik it-tarbija fil-maxtura hemm il-grazzja, l-imħabba ta’ Alla li tħobb mingħajr ma tfittex il-mertu, mingħajr ma tfittex lanqas il-gratitudni. Hemm il-grazzja, l-imħabba li m’għandhiex prezz, imħabba prezzjuża li lil dik it-tarbija se tiswielha ħajjitha, għax fuq kollox il-Milied huwa wkoll misteru ta’ ubbidjenza.
Il-verità. Il-verità hija xi ħaġa li ddawwal il-moħħ, imma wkoll iddawwal il-qalb. L-ikbar verità li titħabbar f’dan il-jum qaddis tal-Milied huwa li Alla jħobbok, li Alla jħobbna, li għalina ħejja futur sabiħ. Din hija l-ikbar verità, l-isbaħ verità, dik li lilna kontinwament terfagħna. Mhux din hi l-missjoni ta’ din it-tarbija? Li bħallum tmint’ijiem infakkru li ngħatat l-isem ta’ Ġesù, Alla li jerfagħna, li jsalvana, li jaħjina, jagħtina l-ħajja. Il-Mulej jagħmel hekk billi hu Alla magħna Għimmanu-El. “Il-verb sar bniedem u għammar fostna”. Poġġa t-tinda tagħna fostna u aħna rajna l-glorja tiegħu, din il-glorja li timla l-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna bix-xenqa għall-paċi u bl-esperjenza qawwija tas-sliem.
Fit-talba li l-Knisja għanniet hekk u jisbaħ dan il-jum qaddis, aħna tlabna li kif illum f’jum il-Milied, aħna mdawwra bid-dija tat-tarbija ta’ Betlehem, hekk kif il-moħħ tagħna huwa mdawwal bil-verità qawwija li Alla jħobbna, l-imġiba tagħna tirrifletti l-esperjenza tagħna. Ejjew nitolbu biex aħna nkunu dawl għal ħaddieħor, ejjew nitolbu biex fil-kultura tagħna il-ħajja tibqa’ tassew prezzjuża mill-bidu tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Ejjew inkunu għal xulxin grazzja, messaġġ kontinwu li Alla jħobbna permezz tal-imħabba tagħna lejn xulxin. Ejjew inxandru bi kliemna, b’għemilna, il-verità qawwija u sabiħa li Alla huwa mħabba.
“Mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna grazzja fuq grazzja, għax il-grazzja u l-verità seħħew permezz ta’ Ġesù Kristu” (vv. 16-17). Jalla aħna, il -familja ta’ Ġesù, inkomplu nsaħħu u nagħmlu li jseħħ dan il-messaġġ straordinarju: Alla sar bniedem biex isalvana, biex jagħtina sehem mill-ħajja tiegħu, biex jagħtina sehem mill-ħajja tiegħu ta’ Alla, biex jagħtina sehem mill-imħabba għax hu mħabba.
I would like to greet our English speaking friends on this Christmas day. The prologue from St John’s Gospel which the deacon proclaimed as the Gospel today, announces a number of themes which express the solemnity and the greatness of this day of festivities for Christmas: life, light, grace and truth.
Looking at Baby Jesus we realise that he, the Lord of life, has submitted to the laws of creation, he is created as a man but he is the giver of life. He is also the giver of light. On Christmas day we bathe in the light of his mercy, we thank God for showing us so much grace, so much gratuitous love in the baby in the manger. And we rejoice in the great truth that God is love and that he loves us.
Life, grace and truth. Let these four words bring us to the glory of the sons of God who, though sinners, rejoice in the Lord’s mercy, rejoice in the fact that the baby of Bethlehem is called Jesus, the Saviour, he is called Emmanuel, God is with us. This is the kernel, the heart of the message on Christmas Day: God is with us let us rejoice and be thankful.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Photo/Video: Curia Communications Office