L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-festa għażiża tal-Immakulata Kunċizzjoni hi festa tas-sbuħija, festa tal-ġmiel. Alla ried li lil Marija jsalvaha, jeħlisha mid-dnub, sa mill-bidu nett ta’ ħajjitha. Għalhekk, meta nħarsu lejha hi għalina dan is-simbolu ta’ ġmiel, ta’ sbuħija.  

Nixtieq li naħsbu ftit x’tgħidilna din il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni għall-ħajja tagħna.

Grazzi ta’ dan il-ġmiel

L-ewwel nett turina li għandna nfaħħru u nirringrazzjaw lil Alla talli tana lil Marija, din li hi Immakulata Kunċizzjoni, Marija meħlusa mid-dnub sa mill-bidu. U nagħmlu dan bl-istess innu ta’ radd il-ħajr ta’ Marija “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”.

Għandna ta’ xiex nirringrazzjaw lill-Mulej. Meta nħarsu lejha, niftakru li f’ħajjitna għandna dejjem nixxennqu lejn dak li hu sabiħ, dak li hu veru, dak li hu tajjeb, lejn dak li tassew jista’ jimla l-qalb tagħna. Għalhekk infaħħru lill-Mulej, nirringrazzjawh; u miegħu nfaħħru wkoll lil Marija.

Dil-festa tfakkarna kemm hu importanti li nemmnu jkollna dejjem fuq fommna kliem ta’ tifħir lil Marija. Meta nagħmlu hekk, meta nfaħħru lil Alla u lil Marija bi kliemna, inkunu qegħdin inpattu għal tant tkasbir tal-isem ta’ Alla u ta’ Marija. Sfortunatament, Marija hi waħda mill-aktar li taqlagħha bi kliem ħażin mill-Maltin. Din hija sfortuna. Irridu llum, f’din il-festa tagħha, infaħħruha, u jkollna dejjem kliem ta’ tifħir lilha. Meta qed nagħmlu hekk, qed infaħħru lil Alla għal dak li hu sabiħ, għal dak li hu ġmiel. U nagħmlu dan bi tpattija għal min jagħżel li jkasbar l-isem ta’ Marija, u għalhekk jagħżel il-kruha flok il-ġmiel, dak li jtebba’ flok dak li hu bla tebgħa, dak li jfisser saħħta flok dak li jġib barka.

Għażiża sa mit-tnissil

Il-festa tal-Kunċizzjoni għandha messaġġ importanti wkoll fl-istess kelma li tant għandha tifsira, “kunċizzjoni”, għax tfakkarna li aħna niċċelebraw lil Marija mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Hi bla tebgħa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Fil-fatt għalhekk nagħmlu llum il-festa tat-tnissil ta’ Marija, u disa’ xhur wara, fit-8 ta’ Settembru, il-festa tat-twelid tagħha; bħalma nagħmlu ta’ Ġesù: fil-25 ta’ Marzu t-tnissil ta’ Ġesù, u disa’ xhur wara, 25 ta’ Diċembru – ftit ieħor, fil-Milied – it-twelid ta’ Ġesù.

Meta nfaħħru lil Alla u lil Marija bi kliemna, inkunu qegħdin inpattu għal tant tkasbir tal-isem ta’ Alla u ta’ Marija. Sfortunatament, Marija hi waħda mill-aktar li taqlagħha bi kliem ħażin mill-Maltin

Fl-istess festa tal-lum hemm din id-dikjarazzjoni ċara li l-ħajja hi għażiża mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Aħna ma niċċelebrawx ftit ċelloli mingħajr dnub, immakulati, li f’mument minnhom imbagħad saru Marija, imma niċċelebraw lil Marija mnissla mingħajr dnub mill-ewwel mument tal-ħajja tagħha, jiġifieri mat-tnissil. Għalhekk, fl-istess ċelebrazzjoni tal-lum, hemm dan il-messaġġ ċar, importanti wkoll għal żmienna, li l-ħajja għandna ngħożżuha dejjem mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. U meta nħarsu lejn din il-festa, għandha sservi biex tfakkarna kontinwament kemm hu importanti li jkollna din l-għożża tal-ħajja mill-ewwel mument tagħha.

Kuraġġ biex nirbħu l-ħażin

Din il-festa hi festa li tagħmlilna ħafna kuraġġ. Inħarsu lejn Marija u naraw dak li hu sabiħ u ġmiel, imma nafu li fil-ħajja tagħna, aħna li lkoll midinbin, kultant nintrikbu minn dak li hu ħażin. Ġieli mill-egoiżmu, mill-għira, mill-mibegħda, minn dak li jweġġa’ lil ħaddieħor, mill-insulti. Dan hu ikrah, imma aħna kultant jiġrilna li filwaqt li nixxennqu għat-tajjjeb, nagħżlu l-ħażin.

Għalhekk għandna bżonn lil Marija li mhijiex biss eżempju għalina ta’ dak li hu sabiħ u ġmiel, imma wkoll għajnuna għalina biex nagħżlu dak li hu tajjeb. Innutaw id-differenza fil-qari tal-lum mill-Kelma ta’ Alla. Marija tgħid lill-anġlu: “…ikun minni skont kelmtek”, li hu eżattament il-kontra ta’ dak li qalu Adam u Eva, bl-azzjonijiet tagħhom, meta lil Alla qalulu: ma jsirx minna skont kelmtek. Għalhekk Marija turina li t-triq li verament twassalna għal dak li hu sabiħ veru, għal dak li hu ġmiel, u tgħinna negħlbu l-ħażin fil-ħajja, hi meta nfittxu bħalha li nagħmlu r-rieda ta’ Alla f’ħajjitna.

Hi tgħinna f’dan, tagħmlilna l-kuraġġ fil-ħajja tagħna. Tgħinna biex inqumu minn dak li hu ħażin. F’ħajjitna kultant jiġri li nagħżlu dak li hu ħażin, imma hi tgħinna biex qatt ma nieqfu hemmhekk imma dejjem inqumu għal ħajja ġdida. Għalhekk li nkomplu f’ħajjitna nagħżlu l-ġmiel, mhux il-kruha, nagħżlu l-grazzja ta’ Alla, mhux id-dnub. Hija hi dik l-Omm li takkumpanjana b’dan u tagħmlilna kuraġġ. Hi l-Omm li tant neħtieġu fil-ħajja tagħna.

Nitolbuha llum lil Marija, f’din il-festa tant għażiża tal-Immakulata Kunċizzjoni, biex tkompli tkun għalina dan is-sinjal sabiħ ta’ ġmiel u sbuħija li Alla sejħilna għalih. Tgħinna biex dejjem ikollna kliem ta’ tifħir lilha. Tgħinna biex bħalha ngħożżu l-ħajja, u biex fil-mixja tagħna qalb id-diffikultajiet u anke l-iżbalji u d-difetti tagħna, inqumu minnhom biex f’ħajjitna nagħżlu dak li hu sabiħ, mhux dak li hu ikrah, nagħżlu l-grazzja ta’ Alla, mhux dak li jwassalna għall-ħażin.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju