Il-Knisja f’Malta għada l-Ħadd, 15 ta’ April, ser tiċċelebra Jum il-Karità, biex tgħin u tkompli tqajjem kuxjenza dwar id-dinjità ta’ kull persuna fis-soċjetà tagħna, l-aktar dawk vulnerabbli. Għal dan il-għan fi tmiem din il-ġimgħa ser isir ġbir speċjali fil-knejjes kollha waqt il-Quddies tas-Sibt filgħaxija u tal-Ħadd.
Bid-donazzjonijiet miġbura ser jibbenefikaw dawk il-persuni li jirrikorru għall-għajnuna fid-djar jew fl-entitajiet tal-Knisja f’Malta, fosthom: it-tfal u ż-żgħażagħ li kellhom trobbija diffiċli, il-vittmi tal-vjolenza domestika, il-persuni li qed jegħlbu l-vizzju tad-droga, in-nisa li jaqgħu fil-prostituzzjoni, il-persuni b’diżabilità, l-immigranti u r-refuġjati, l-anzjani, il-familji fil-bżonn u dawk li m’għandhomx dar fejn joqgħodu…