• Il-Knisja f’Malta għada l-Ħadd, 15 ta’ April, ser tiċċelebra Jum il-Karità, biex tgħin u tkompli tqajjem kuxjenza dwar id-dinjità ta’ kull persuna fis-soċjetà tagħna, l-aktar dawk vulnerabbli. Għal dan il-għan fi tmiem din il-ġimgħa ser isir ġbir speċjali fil-knejjes kollha waqt il-Quddies tas-Sibt filgħaxija u tal-Ħadd.

    Bid-donazzjonijiet miġbura ser jibbenefikaw dawk il-persuni li jirrikorru għall-għajnuna fid-djar jew fl-entitajiet tal-Knisja f’Malta, fosthom: it-tfal u ż-żgħażagħ li kellhom trobbija diffiċli, il-vittmi tal-vjolenza domestika, il-persuni li qed jegħlbu l-vizzju tad-droga, in-nisa li jaqgħu fil-prostituzzjoni, il-persuni b’diżabilità, l-immigranti u r-refuġjati, l-anzjani, il-familji fil-bżonn u dawk li m’għandhomx dar fejn joqgħodu.

    Permezz tal-ħidma ta’ diversi kongregazzjonijiet reliġjużi, għaqdiet tal-lajċi u kif ukoll tal-Arċidjoċesi fil-qasam tad-djakonija, il-Knisja f’Malta tgħin b’mod konkret lil min hu fil-bżonn, irrispettivament mir-razza, kulur tal-ġilda, jew twemmin. Kif jisħaq kemm-il darba l-Papa Franġisku: “Kull Nisrani u kull komunità huma msejħa jkunu għodda f’idejn Alla għall-ħelsien u l-promozzjoni tal-foqra … dan jitlob li nkunu doċli u attenti biex nistgħu nisimgħu l-karba tal-fqir u nħaffu ngħinuh” (Il-Ferħ tal-Evanġelju, par. 187).

    Il-flus li jinġabru ser jitqassmu fost dawn l-entitajiet: Caritas, Dar tal-Providenza, Djar tat-Tfal, Djar tal-Anzjani, Kummissjoni Emigranti, Laboratorju tal-Paċi, Jesuit Refugee Service, St Jeanne Antide Foundation, Segretarjat Assistenza Soċjali, Millenium Chapel, Paolo Freire Insititute, Dar Merħba Bik, Dar Qalb ta’ Ġesù, Dar Osanna Pia, Dar Frate Jacoba, Djar Suret il-Bniedem.

    Fil-knejjes hemm ukoll qfief għal kontribuzzjoni ta’ affarijiet ta’ ikel għall-persuni fil-bżonn. Jum il-Karità qed isir b’inizjattiva tas-Segretarjat Ħidma Soċjali u ta’ Karità fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta.