L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju ta’ San Mark hu l-iqsar Evanġelju. Fil-fatt għandu biss 16-il kapitlu imma fl-istess ħin dan ir-rakkont hu wieħed mill-itwal rakkonti.

Dan il-vjaġġ ta’ Ġesù li jisma’ l-karba ta’ missier li kien jismu Ġajru, kien wieħed mill-kapijiet tas-Sinagoga, bniedem ta’ prestiġju, bniedem influwenti, imma quddiem il-mard tat-tifla tiegħu ta’ 12-il sena, Ġajru jħoss li m’għandux poter, li dak kollu li setgħet tagħtih is-soċjetà ma kien jiswa xejn. Imur għand Ġesù, il-profeta magħruf għall-għeġubijiet tiegħu, u jagħmel att ta’ fidi kbira. Jinxteħet f’riġlejh, hu li kien il-kap tas-sinagoga, jitolbu ħafna u jgħidlu ’l Ġesù: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar, ejja qiegħed idejk fuqha ħalli tfiq u tgħix” (Mk 5:23). Ir-risposta ta’ Ġesù ma fihiex ħafna kliem. Ġesù jitlaq miegħu u kotra ta’ nies jimxu warajh.

Waqt dan il-vjaġġ ta’ Ġesù, li minn xatt il-baħar imur lejn id-dar ta’ Ġajru, hemm folla tross, tiltaqa’ wkoll mara, li kienet ilha 12-il sena ssofri marda li ma setax ikollha fejqan. Meta bdiet il-marda, din kienet għadha kemm twieldet it-tifla ta’ Ġajru għax it-tifla kellha 12-il sena u din il-mara kienet ilha 12-il sena marida. Kienet żgur mara sinjura għaliex is-sinjuri biss setgħu jġibu t-tobba dak iż-żmien u din ma marritx għand wieħed u tnejn, marret għand ħafna tobba. L-Evanġelju jgħid ħliet ġidha kollha biex tipprova tfiq (Mk 5:26). Kellha marda li ma setgħetx tkun f’ħafna nies għaliex il-marda li kellha kienet tfisser li hi trid titwarrab min-nies. Ma kinux jafu x’inhi l-marda tagħha imma kienet tirrendiha mhux safja.

Imma hi tagħmel il-kuraġġ, bil-moħbi għax mhux suppost tidher fost il-folla tan-nies, tagħmel att ta’ fidi: “Imqar immisslu t-tarf tal-mantar” (Mk 5:28). X’fidi kbira ta’ din il-mara! Mara li nistgħu nsejħulha f’diffikultà kbira biex ma ngħidux iddisprata, m’għandhiex f’min iżjed tafda, ħliet ġidha kollha biex tfiq. Kif jgħidu l-ikbar ġid is-saħħa. Imma ma rnexxilhiex. U tagħmel att ta’ fidi, att ta’ fidi tant kbira fil-qawwa ta’ Ġesù. Tmiss it-tarf tal-mantar ta’ Ġesù.

Ġesù jgħallimna li l-mewt għal din il-ħajja mhix l-aħħar kelma tal-eżistenza tagħna imma aħna nidħlu fir-raqda tas-sliem fi ħdan il-Mulej u d-destin tagħna hu l-ħajja ta’ dejjem.

Ejjew niftakru ftit xi tfisser dil-ħaġa, aħna li nirċievu ’l Ġesù fil-qalb tagħna f’kull quddiesa. Aħna mhux imissulu t-tarf tal-libsa jew it-tarf tal-mantar, aħna nirċevuh bil-ġisem, bid-demm, bir-ruħ, bid-divinità! Nirċevuh! Nirċievu din il-qawwa li tfejjaq.

U kif tmiss il-mantar hi tħoss li fieqet (Mk 5:30). Ġesù wkoll jinduna. Jixtieq jiltaqa’ magħha. Għall-bidu ma titkellimx, tipprova tistaħba imma mbagħad tgħidlu x’ġara, x’għamlet. Hu jaf li minnu kienet ħarġet din il-qawwa li tfejjaq. U n-nies li fil-bidu kienu qalulu: “U inti min taħseb li missek daqskemm hawn rassa ta’ nies?” (ara Mk 5:31). Jisimgħuh jgħid: “Il-fidi tiegħek fejqitek. Mur bis-sliem. Kun imfejqa mill-mard tiegħek” (Mk 5:34).

U tiġi l-aħbar li t-tifla ta’ Ġajru – ma nafux x’kien jisimha – it-tifla ta’ Ġajru mietet. Issa mhux ifejjaqha jrid, irid jagħmel xi ħaġa oħra. In-nies donnu kienu jemmnu li Ġesù jista’ jfejjaq. Ma ninsewx li hawnhekk qegħdin fil-ħames kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Mark. Ġesù għadu ma qajjem lil ħadd mill-mewt. Fil-fatt f’dan l-Evanġelju din hi l-uniku mument għax ma jsemmix Lazzru pereżempju, li fl-Evanġelju ta’ San Mark, Ġesù jqajjem lil xi ħadd mill-mewt. U n-nies jgħidulu: “Issa din mietet, toqgħodx tħabbtu iżjed lill-Imgħallem” (ara Mk 5:35), speċi l-Imgħallem jista’ jfejjaq, imma jqajjem mill-imwiet, dan min jista’ jagħmel hekk? U Ġesù juża espressjoni li baqgħet għall-qalb ħafna tagħna l-Insara: “Ma mititx, imma rieqda” (Mk 5:39).

X’ried jgħid Ġesù? It-tifla kienet mietet tassew. Il-qawmien tagħha mill-imwiet li hu għamel kien tassew li reġġagħha lura mill-mewt. X’ried jgħid Ġesù “Imma rieqda”? Ġesù jrid jikkonferma dak li kiteb l-awtur tal-ewwel lezzjoni mill-ktieb tal-Għerf. Hu ktieb li nkiteb 70QK, wieħed mill-aħħar kotba li nkiteb fl-Antik Tesment. U l-awtur, li kien ukoll midħla tal-għorrief Griegi, jagħmel riflessjoni fuq li l-ħlejjaq mhumiex biex imutu, imma biex jgħixu (Għerf 1:14). Allura x’jiġri? Il-mewt li tikkawżalna tant dulur, tant biki, tant turrufnament, hemm soluzzjoni għaliha?

Ġesù jgħallimna li l-mewt għal din il-ħajja mhix l-aħħar kelma tal-eżistenza tagħna imma aħna nidħlu fir-raqda tas-sliem fi ħdan il-Mulej u d-destin tagħna hu l-ħajja ta’ dejjem. Mela s-sinjal li jagħti hu u jreġġa’ lura għall-ħajja lil dit-tifla ta’ 12-il sena, li għadha fil-bidu ta’ ħajjitha, hija li hu bis-setgħa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, jerġa’ jitfa’ fina ż-żerriegħa tal-ħajja ta’ dejjem, li aħna mhux biss għandna x-xorti mmissulu l-mantar imma nirċevuh f’qalbna fl-Ewkaristija. Aħna għandna fih u permezz tiegħu fl-Ispirtu s-Santu, qawwa li tfejjaq u twassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Jieħu miegħu tliet xhieda. Dawn it-tliet xhieda nsibuhom darbtejn oħra fl-Evanġelju: lil Pietru, lil Ġwanni u ħuh Ġakbu (Mk 5:37). Għax jeħodhom ukoll fuq il-muntanja Tabor fejn jiġi trasfigurat u jaraw il-glorja tiegħu, id-dija tal-glorja tiegħu. Imma wkoll jeħodhom fl-ort tal-Ġetsemani, jaraw l-umiljazzjoni tiegħu, l-ansjetà u l-biża’ ta’ Ġesù. Imma dan il-miraklu li huma xhieda tiegħu li din it-tifla mejta ta’ 12-il sena, Ġesù jaqbadha minn idejha u jgħidilha: “talitha, koum!” (Mk 5:41).

Kemm hu sabiħ għalina l-Maltin li nirrealizzaw li l-mod kif kien jitkellem Ġesù hu ħafna qrib l-kelma Maltija. Infatti aħna nitbissmu meta s-saċerdot ifehimna bil-Malti xi jkun qal Ġesù bl-Aramajk “talitha, koum” – tfajla qum. Hu l-istess kelma għaliex il-lingwi tagħna jixxiebhu ħafna. Ġeus kien jitkellem bl-Aramajk, lingwa ħafna qrib il-lingwa li nitkellmu aħna. U dik il-kelma nixtieq li l-ġenituri jgħiduha f’qalbhom fuq uliedom mhux fis-sodda tal-mewt, allaħares qatt, imma kull meta inti nkwetat/a fuq bintek, fuq ibnek, ftakar li Ġesù daħal mat-tliet dixxipli, ma’ ommha u missierha, din it-tfajla u qalilha: “talitha, koum!”

Jekk għandek ibnek daħal f’xi vizzju speċjalment tad-droga, f’xi kumpannija li qed tinkwetak, ftakar f’din il-kelma ta’ Ġesù: “Qum” u itlob fil-qalb tiegħek lill-Mulej li hu u jgħaddi, ifejjaq. San Pietru meta tkellem fuq l-esperjenza ta’ Ġesù wara li Ġesù tela’ s-sema, hekk qal: ‘Għadda fostna jgħallem u jfejjaq.’ Dan hu l-Mulej Ġesù li aħna nemmnu fih.

L-aħħar nota ċkejkna fuq dik il-mara anzjana li kienet nefqet ġidha biex tfiq. Kif setgħet tpattilu ’l Ġesù? Bil-fidi tagħha. Għaref tal-Knisja tar-raba’ seklu jgħidilna li kien hemm tradizzjoni antika li dil-mara kien jisima Bereniċe u li meta Ġesù kien għaddej mgħobbi bis-salib, ħadet maktur u xxuttatlu wiċċu. U bdiet tissemma wkoll il-Veronika. Hemm tradizzjoni antika li tgħid li l-Veronika li kien jisimha Bereniċe, għax Veronika hi laqam, kienet din il-mara li fejjaq Ġesù hu u sejjer biex ifejjaq, imbagħad iqajjem mill-mewt it-tfajla bin Ġajru.

Nitolbu ’l Mulej li aħna nkunu nistgħu npattulu tal-fejqan kollu li jagħtina.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għerf 1, 13-15; 2, 23-24
Salm: 29(30), 2,4,5-6,11,12a,13b
Qari II: 2 Kor 8:7,9,13-15
Evanġelju: Mk 5, 21-43