L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Għeżież edukaturi, f’dan il-jum tal-Ġublew tal-edukaturi, il-Knisja f’Malta ddawwar ħarsitha fuqkom bi gratitudni u tama. Intom li tgħallmu, tiggwidaw, tifformaw u tmissu l-qalb u l-moħħ tat-tfal u taż-żgħażagħ, m’intomx sempliċement ħaddiema fi professjoni — intom professjonisti b’vokazzjoni u missjoni partikulari. Li tkun edukatur mhuwiex biss xogħol; hu missjoni, sehem qaddis mill-opra kreattiva u salvifika ta’ Alla.
Fl-Evanġelju tal-lum, skont San Luqa, naraw lil Ġesù fil-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu. Jidħol fis-sinagoga f’Nażaret, jaqra mill-profeta Isaija, u jħabbar: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu” (Lq 4:21).
Dan il-mument fil-ħajja ta’ Ġesù mhuwiex biss storiku – hu mument edukattiv. Ġesù mhux biss jitkellem, imma jgħallem bi kliemu u b’ħajtu. Iħabbar il-Kelma u jkun il-milja tagħha. X’mudell mill-isbaħ għalikom!
Ġesù l-edukatur: li jħabbar u li jseħħ
Ħarsu ftit lejn din ix-xena qawwija: Ġesù jaqra l-Iskrittura, u kulħadd iħares lejh – “għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu” (Lq 4:20). Għaliex? Għax jitkellem mhux bħal wieħed li jagħti tagħrif, imma bħal wieħed li jgħix dak li jgħallem. Il-kliem tiegħu hu mimli bl-Ispirtu: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi” (Lq 4:18). Ma ġiex biex jgħaddi informazzjoni, imma biex jeħles, ifejjaq u jerfa’.
Dan hu li jagħmlu l-edukaturi veri. Intom mhux sempliċiment tgħaddu informazzjoni jew tispjegaw; intom imsejħin biex tkun xhieda, biex ħajjitkom tkun titkellem b’mod ħafna aktar qawwi minn dak li tgħidu. Intom imsejħin biex iġġorru viżjoni ta’ dinjità, ta’ libertà, ta’ fejqan. Intom msejħin biex tissieħbu ma’ Ġesù fil-missjoni tiegħu:
- Li jġib il-ħelsien lill-imjassrin – intom imsejħin biex teħilsu l-persuni mill-biża’ u minn dak li jikkondizzjonahom f’ħajjithom. Teħilsuhom mill-inganni fil-ħajja. Tagħtu lill-istudenti sens kritiku biex ma jkunux skjavi ta’ dak li jisimgħu u jaraw u jaqraw.
- Li jħabbar l-Aħbar it-Tajba lill-foqra – intom imsejħin biex twasslu messaġġ pożittiv u tqajmu t-tama f’dawk li jħossuhom minsijin, imwarrbin, dawk li huma żvantaġġjati fis-soċjetà. Trawmu kultura ta’ ġustizzja, ta’ ħniena, ta’ inklużjoni u ta’ rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem.
- Li jagħti d-dawl lill-għomja – intom imsejħin biex tgħinu lill-istudenti jiskopru l-valur u l-potenzjal tagħhom, u jagħrfu l-verità. Din hi missjoni importanti qalb il-ħafna misinformazzjoni u fake news li l-istudenti mdawra bih.
Il-Mulej jgħinkom f’din il-missjoni tagħkom qalb diversi sfidi tal-ħajja tal-lum. Waħda mill-isfidi kbar hija l-mentalità li l-ħajja umana ma għandhiex valur fiha nnifisha, u li tista’ tiddisponi minnha. Hu f’dan l-ambjent li qed jikbru l-istudenti li magħhom tiltaqgħu.
Meta l-edukazzjoni tkun ispirata mill-missjoni tal-Evanġelju, issir tassew esperjenza ta’ trasformazzjoni. Iġġib bidla għall-aħjar, u tgħin lill-istudenti biex isiru huma stess aġenti ta’ bidla fis-soċjetà Maltija.
L-“Illum” tal-Edukazzjoni
Ġesù jgħid: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. Mhux ilbieraħ, jew għada, imma llum. Din il-kelma “illum” tidwi b’mod profond fl-Evanġelju skont San Luqa u fil-missjoni tal-Knisja. Tfakkarna li l-ħidma ta’ Alla hi dejjem preżenti u urġenti.
Għeżież edukaturi, xogħolkom hu biex tgħinu lill-istudenti fil-bini tal-futur ta’ ħajjithom; imma xogħolkom mhux biss tħejjija għall-futur – hu, qabel xejn, dwar l-“illum” qaddis ta’ kull tifel u tifla, ta’ kull student jew studenta li taħdmu magħhom. Intom preżenti fl-“issa” ta’ ħajjithom. U bħal Kristu, timxu magħhom lejn il-milja ta’ dak li huma msejħa jkunu.
Il-Papa Franġisku fakkarna li l-edukazzjoni għandha tkun imnissla minn “kultura tal-laqgħa” (culture of encounter) – li tgħaqqad il-moħħ, il-qalb u l-idejn.
Agħrfu dejjem il-qawwa tal-preżenza, tas-smigħ, tal-inkoraġġiment – biex tgħinu lill-istudenti jagħrfu l-potenzjal tagħhom u jiżviluppaw it-talenti sbieħ li Alla tahom. Kelma waħda mgħoddija b’imħabba llum mingħandkom tista’ tħalli frott li jibqa’ tul ħajjithom kollha.
Ġublew: żmien ta’ tisfija u tiġdid
Il-Ġublew hu żmien qaddis – żmien ta’ ħelsien, mistrieħ u ritorn lejn dak li hu essenzjali. Fl-oriġini tiegħu fit-tradizzjoni Lhudija, kien żmien fejn id-dejn kien jinħafer, l-ilsiera jinħelsu, u l-art tingħata lura. Għalikom edukaturi, dan il-Ġublew hu mument biex tiskopru mill-ġdid ir-ruħ tal-missjoni tagħkom:
- Ħalluh ikun żmien biex terġgħu ssibu l-ferħ tal-ewwel imħabba – il-ferħ tat-tagħlim.
- Ħa jkun mument ta’ mistrieħ mill-għeja, u ta’ tiġdid fis-saħħa tagħkom.
- Ħa jkun staġun biex terġgħu tixegħlu l-ħeġġa għas-sewwa, għall-ġmiel u għall-verità.
Marija miexja magħkom
F’Nażaret, fejn Ġesù trabba, Marija kienet l-ewwel edukatura tiegħu. Ma għallmitux fi klassi, imma fil-ħajja ta’ kuljum. L-eżempju tagħha jfakkarna li l-għerf jikber fis-skiet, fil-paċenzja u fil-preżenza.
Għeżież edukaturi, afdaw il-missjoni tagħkom f’idejn Marija, il-mara ta’ għerf kbir u ta’ mħabba qawwija. Itolbuha biex takkumpanjakom dejjem, u speċjalment meta tħossukom għajjenin, diżorjentati, imtaqqlin jew imweġġgħin. Hija tgħinkom tkomplu tagħtu l-kontribut siewi tagħkom bl-imħabba, bħalma dejjem għamlet hi.
Il-laqgħa ma’ Ġesù
“Meta tfittxuni b’qalbkom kollha, issibuni” (Ġer 29:13). Hekk jgħid il-Mulej. Nistedinkom biex dejjem tlaqqgħu lill-persuni li tiltaqgħu magħhom ma’ Ġesù, ħalli fih isibu t-Triq, il-Verità, il-Ħajja.
F’dan il-Ġublew, nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jgħinkom tkunu edukaturi li twasslu l-Aħbar it-Tajba, li tgħallmu bil-kelma u bix-xhieda ta’ ħajjitkom, ħalli l-post fejn tgħallmu jkun santwarju ta’ dinjità, verità u tama.
Għeżież edukaturi, intom benefatturi tas-soċjetà Maltija. Grazzi ta’ dak kollu li tagħmlu, u ta’ dak li intom. Iberikkom il-Mulej Ġesù, il-Imgħallem u l-Edukatur it-Tajjeb, illum u dejjem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju