Ilbieraħ, 19 ta’ Frar 2020, ngħatat bidu għal laqgħa ta’ riflessjoni u spiritwalità ‘Il-Mediterran fruntiera ta’ Paċi’, f’Bari. Il-konferenza, organizzata mill-Konferenza Episkopali Taljana (CEI), infetħet mill-President tagħha l-Kardinal Gualtiero Bassetti, President fejn semma’ li llum il-ġurnata l-Mediterran spiċċa qabar għal eluf ta’ nies, meta qabel kien mużajk tal-kulturi u tradizzjonijiet Kristjani u jixtiequ jerġa’ jiġi kif kien. U għalhekk talab għall-ġustizzja u l-paċi kontra l-ħażen tal-gwerer, il-vjolenza u l-“kaos kontrollat”. “Irrid ngħidu daqshekk għal politika msejsa fuq demm il-popli. Hemm fruntiera inviżibbli li tifred il-popli fil-miżerja minn dawk li jinsabu f’qagħda tajba.”
Illum l-konferenza bdiet b’mument ta’ talb mill-isqfijiet u l-patrijarki għall-vittmi tal-attakk li seħħ fuq stabbiliment frekwentat mill-komunità Torka fil-Ġermanja, li ħalla 11 mejta.
Il-Vigarju Appostoliku ta’ Anatolja fit-Turkija, Mons. Paolo Bizzeti, għadda messaġġ imqanqal fejn staqsa x’qed iwassal għal dawn l-isplużjonijiet razzjali u li hemm bżonn jinstabu tweġibiet profondi. “Wieħed ma jistax sempliċiment jgħid li l-qattiel tal-massa kien miġnun. Inħolqot atmosfera ta’ mibegħda, disprezz lejn l-oħrajn, vjolenza verbali li maż-żmien twassal għal konsegwenza traġika bħal din”.
Għal-laqgħa ta’ riflessjoni u spiritwalità qed jattendu 58 isqof u patrijarka minn 20 pajjiż tal-Mediterran fl‑Ewropa, l‑Afrika ta’ Fuq u Lvant Nofsani. F’isem il-Konferenza Episkopali Maltija qed jattendu l-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi.
L‑immigrazzjoni hija waħda mit‑temi prinċipali ta’ din il‑konferenza li ser tiddiskuti wkoll l‑evanġelizzazzjoni taż‑żgħażagħ, l‑isfida tal‑qagħad u l‑paċi fir‑reġjun.