Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lil kull min qiegħed hawn u li sab il-ħin biex nagħtu l-awgurju ta’ Milied hieni u Sena Ġdida mimlija risq lil xulxin. Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-kor li qed janima din il-laqgħa ta’ bejnietna.
Din is-sena ddeċidejt li nqassam il-verżjoni bil-Malti ta’ dokument sabiħ li nieda l-Papa Franġisku fuq it-tifsira u l-valur tal-presepju, Admirabile Signum. Jekk int taqra l-ewwel kliem bil-Malti, ittraduċewhom hekk: ‘Is-Sinjal tal-għaġeb tal-presepju’ imma aħna meta ngħidu l-għaġeb tal-presepju niftakru wkoll f’personaġġ tal-presepju. L-għaġeb tal-presepju huwa dak il-personaġġ li quddiem ix-xena tal-għar ta’ Betlehem jistagħġeb. Din l-ammirazzjoni tiegħu ġejja għaliex jifhem it-tifsira profonda ta’ dak li qed jara: l-Iben t’Alla li sar bniedem. Din it-tarbija ommha fisqietha u medditha f’maxtura. Il-maxtura hija post fejn il-bdiewa u r-ragħajja jpoġġu t-tiben biex minnu jmaxtru u jieklu l-annimali. U f’dan il-post aħna nħarsu u naraw mhux biss it-tiben, naraw il-ħobż ħaj li niżel mis-sema – kelma li jgħidha Ġesù stess.
M’ilux l-Isqof Mario Grech ippubblika meditazzjoni sabiħa fuq din il-maxtura u jgħid il-maxtura hija l-post fejn Alla jiltaqa’ mad-dnubiet tagħna għaliex il-kundanna tal-bniedem li jinħakem min-nassa tad-dnub hija li jiekol mill-ħaxix tal-art. U Alla jinżel f’din il-miżerja tagħna, ma jiddejjaqx isejjaħ lilu nnifsu ‘Alla magħna’. Alla magħna anke meta aħna għandna bżonn tassew ninħelsu minn dak il-ħażen li nkunu bnejna madwarna.
Il-messaġġ tal-Milied huwa dejjem messaġġ attwali u huwa attwali wkoll din is-sena, għaliex din is-sena wkoll għandna bżonn ta’ salvatur vera u għandna bżonn li nħossu li Alla huwa magħna. Inneħħu naqra l-ġelu miċ-ċelebrazzjoniijiet tal-Milied u mmorru għall-messaġġ profond li jekk aħna nibnu darna mingħajr Alla se tiġġarraf, se nibnu fuq ir-ramel.
Jekk irridu nagħtu tama lil xulxin hemm bżonn nagħmlu proponiment quddiem il-maxtura ta’ Ġesù Bambin, li nibnu fuq il-blata samma tal-liġi t’Alla. Ibda mill-kmandamenti u nkomplu bil-messaġġ qawwi ta’ Ġesù – ħobb lill-għadu tiegħek. Kelma iebsa, kelma diffiċli. Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. M’hemmx imħabba akbar minn dik li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Din hija l-blata li fuqha hemm bżonn nibnu d-dar komuni tagħna. U għalhekk bħala soċjetà hemm bżonn li nirrealizzaw fejn bnejna fuq ir-ramel. M’hemmx għalfejn noqogħdu nistennew li jiġġarraf kollox u nibnu fuq il-blata samma tar-rispett u l-imħabba lejn xulxin tal-integrità u tal-onestà. U din il-ħaġa ma tibdiex mill-proxxmu għax faċli nipponta subgħajja lejn ħaddieħor. Tibda minni. Kull wieħed u waħda minna rridu nieħdu din l-okkażjoni biex nagħżlu t-tajjeb u nwarrbu l-ħażin.
Għandna bżonn u għatx kbir ta’ verità u ġustizzja imma daqstant ieħor għandna bżonn għatx għall-imħabba, għar-rispett lejn xulxin. Il-kelma ta’ verità ma tistax tkun ta’ mibegħda. Il-kelma ta’ ġustizzja ma tistax tkun kelma ta’ vendikazzjoni. Il-verità u l-ġustizzja jimxu flimkien meta hemm ir-rispett u l-imħabba lejn xulxin. Dan huwa l-awgurju li nixtieq nagħmel lil kulħadd, b’mod speċjali permezz tal-media li hawn preżenti u li nirringrazzjahom, anke lill-poplu għażiż tagħna.
Inwasslilkom ukoll it-tislima u x-xewqat sbieħ tal-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona li jinsab indipost, kif ukoll tal-Isqof Joe li qiegħed hawn. Nixtieq ukoll nirringrazzjah lill-Isqof Joe tal-għajnuna li jagħtini, tal-fatt li qed jobdi lill-Papa u flimkien nagħtu ħajjitna għall-poplu Malti.
Kemm hemm bżonn li aħna nitgħallmu mill-Imgħallem tagħna, li mhux biss ma ddejjaqx isir wieħed minna imma li qabel ma bata, neħħa l-mantar, tħażżen bil-fardal tal-qadi u ħasel riġlejn id-dixxipli u qalilna: “Jien li jien l-Imgħallem, rajtu x’għamilt. Agħmlu hekk ukoll lil xulxin”. Jalla dan l-ispirtu konkret ikun l-ispirtu wkoll tal-Milied.
Dan il-post se jilqa’ mijiet ta’ nies fil-jum tal-Milied. Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-Caritas ta’ din l-inizjattiva li se titkompla din is-sena. Il-Knisja Maltija jkollha d-dritt titkellem meta tgħix dak li tagħmel. U itolbu għalina, lilna l-Isqfijiet u nimpenjaw ruħna aħna l-Insara. Qabel niftħu ħalqna, neżaminaw lilna nfusna u ngħidu: ‘Jien il-kelma tal-Imgħallem, li se nipprietka, qiegħed ngħixha?’ Jekk niskopri li qed nipprova ngħixha, il-Milied ma jkunx ġie għalxejn.
Mill-qalb, anki f’isem il-Knisja f’Malta, nawguralkom Milied hieni u Sena Ġdida mimlija risq. Grazzi!
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta