Fl-okkażjoni tal-bidu tal-Avvent, l-Arċisqof Pawlu Cremona OP wassal it-tielet ittra tiegħu liż-żgħażagħ. Fuq din il-paġna tistgħu ssibu kopja ta’ din l-ittra li nqrat fl-attivita’ li saret apposta fil-bidu tal-Avvent, nhar il-Ħadd 29 ta’ Novembru 2009, fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa.

Iż-Żagħżugħ Għani (Mt.19,16ss)

Għeżież Żgħażagħ,

Bil-għajnuna ta’ Alla għaddiet sena oħra minn meta ltqajna l-Oratorju il-Mosta u tkellimna dwar l-importanza li intom tkunu protagonisti fil-knisja tat-tielet millenju. Konna tkellimna dwar l-istorja ta’ żagħżugħ jismu Pawlu. Din id-darba, it-Tema magħżula mill-Qdusija Tiegħu il-Papa Benedettu XVI għalikom iż-żgħażagħ sabiex tfasslu l-mixja ta’ fidi tagħkom flimkien matul is-sena liturġika li tibda llum, tagħtina storja ta’ żagħżugħ ieħor, żagħżugħ li għamel mistoqsija mill-aktar importanti għal ħajtu.

Meta bniedem iħares fih innifsu, x’aktarx li dejjem jasal biex jagħmel il-mistoqsijiet:

“Hemm xi Ħadd fuqna? Hemm Ħallieq?”

Ma jagħmilx din il-mistoqsija min il-ħajja tiegħu jimliha b’aljenazzjonijiet u jgħix barra minnu nnifsu; jibqa` jimbottaha bogħod minnu, sakemm fl-aħħar jasal biex x’aktarx jagħmilha meta jkun bejn il-ħajja w il- mewt.

Xi wħud jaslu biex jagħmlu l-mistoqsija, iżda mbagħad jibqgħu sospiżi fil-ġudizzju tagħhom, x’aktarx biex ma jikkommettux ruħhom. Għandna t-tendenza biex nippruvaw inwieġbu l-mistoqsijiet importanti, iżda xi wħud jagħżlu li din id-domanda iżommuha sospiża!

Xi wħud oħrajn jagħmlu l-mistoqsija dwar Alla u jkomplu jinvestigawha, sakemm jaslu għal tweġiba minn naħa ta` Alla li tistedinhom għal tweġiba minn-naħa tagħhom. Huma persuni kuraġġjużi. Għandna rakkont fil-Vanġelu meta kien hemm wieħed żagħżugħ minn dawn li ried tweġiba għall-mistoqsijiet li kellu f’qalbu (Mt 19, 16-22). Dak iż-żagħżugħ jista` jkun kull wieħed u waħda minna. Ha naraw il-mixja tiegħu u naraw tistax tkun tagħna wkoll.

“Wieħed u tajjeb…”

Meta wieħed ikun għamel deċiżjoni li Alla jeżisti, hu ovvju li jkun irid jaf aktar. Ma jistax jikkuntenta biss li hemm Alla, iżda jrid ikun jaf min hu u x’jaħseb dan Alla. Dan iż-żagħżugħ mar għand xi ħadd, Ġesu`, li hu kien jemmen li jaf iwieġbu. Fil-fatt, Ġesu` ma weġbux mill-ewwel x’għandu jagħmel, izda qiegħdu f’kuntest: “Wieħed hu t-tajjeb”. Il-kumplament trid tinterpretah f’dan id-dawl. Kemm il-darba jkun hemm persuni li ma jfittxux min hu Alla u mbagħad jibdew jaħsbu fuqu skont moħħom, skont dak li jaħsbu huma. Xi wħud jaħsbu li hu qalil u iebes, u allura jibżgħu jew jaħarbu minnu. Oħrajn jaħsbu li jaqblilhom jekk jaħsbu li Alla hu “baħbuħ” minflok tajjeb: jiġifieri li Alla ma jħobbnix tant li jixtieqna nkunu “tajjeb”, bħalu, imma,  li Alla ma jimpurtahx jekk nagħmlu anki dak li fl-aħħar mill-aħħar se jweġġagħna.

Ġesu` mhux biss jgħid lil dak iż-żagħżugħ li Alla hu tajjeb, iżda jurih il-verita` ta` dan billi jurih fih l-imħabba tal-Missier: “Imbagħad Ġesu` xeħet fuqu ħarsa ta` mħabba” (Mk 10,27). Ma nistgħux nikkuntentaw ruħna biss billi nemmnu li “Alla hu tajjeb”, għax anki t-tjubija tal-bnedmin xi drabi hija mniġġsa bl-interessi personali tal-bnedmin. Dak li għamel Ġesu`, għamlu biex jispjegalna kif il-Missier hu “tajjeb”: jaħfer, hu ġeneruz… Il-mistoqsijiet tagħna rridu nweġbuhom mill-qari tal-Vanġelu. Hemm se naraw kif Alla hu “tajjeb”.

Din l-imħabba ta` Alla lejna hija tant kbira li ma setax jagħtina l-ħajja għal hawn biss, fuq din l-art, u ma jagħtinix ukoll iċ-ċans li huwa jkun jista` jgawdina ħdejh għal dejjem. Hawnhekk fuq din l-art l-esperjenza ta` Alla hija tant limitata, tant imfixkla, tant imperfetta,  għalina u għal Alla. Alla ma jistax jikkuntenta biha biss u ma jagħtinix esperjenza iktar qawwija tiegħu nnifsu. Hija din l-esperjenza li ż-żagħżugħ kien qiegħed ifittex: “biex nikseb il-ħajja ta` dejjem”.

“X’għandi nagħmel tajjeb?” “Ejja u imxi warajja”

Dan iż-żagħżugħ kien jaf li din l-imħabba minn naħa ta` Alla bilfors titlob ukoll mixja minn-naħa tal-bniedem. Kien jaf li għalkemm din l-imħabba hija gratwita, biex tilqagħha bilfors titlob tweġiba, għaliex Alla ma jimponhijiex. U din hija l-mistoqsija li qed jagħmel dan iż-żagħżugħ. Ma jistax joffrilna dan kollu u ma jurinix it-triq li biha inħejju qalbna ħalli nkunu nistgħu nilqgħu din l-imħabba. Ġesu` jwieġeb b’zewġ triqat li huma magħqudin ma` xulxin: huwa jurina li biex jintlaħaq it-tajjeb f’din id-dinja trid bilfors tgħaddi miċ-ċaħda tal-ħażin, ħaġa li mhux dejjem nifhmuha. It-tajjeb jinkiseb mhux biss bix-xewqa tat-tajjeb iżda b’deċiżjoni li ma nagħmilx il-hazin.

L-ewwel tweġiba ta` Ġesu` kienet: “Jekk trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti”. Ġesu` jsemmi dawk il-kmandamenti li kien ta Alla lill-poplu tiegħu permezz ta` Mose`. Żied magħhom dak li hu kien għaqqad mal-ewwel kmandament: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Il-ħsieb ewlieni tal-kmandament hu li nkun qiegħed nobdi l-kmandamenti mhux biss meta nixtieq li nobdihom, iżda meta nieħu deċiżjoni serja li qatt mhu ser nagħmel għemil kontra l-valuri tal-kmandamenti. Għalhekk qegħdin fin-negattiv (“La…”), biex norbot liberament ir-rieda tiegħi kontra dak li jfixkilni milli ngħix il-valuri tal-kmandamenti.

It-tieni tweġiba ta` Ġesu` kienet: “imbagħad ejja u imxi warajja”. Iżda hemm kundizzjoni: “bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema”. Li timxi wara l-Mulej tfisser dejjem li trid tħallas prezz ta` l-għażla: tal-ħin, tal-attenzjoni, tal-materjaliżmu. Ma nistax nimxi fit-triq li wriena il-Mulej Ġesu` fil-Vanġelu jekk inħalli l-interessi l-oħra tiegħi imexxuli ħajti. Ma nistax nitlob jekk il-ħin tiegħi huwa kollu mimli. Ma nistax inħobb lill-oħrajn jekk il-ħsibijiet tiegħi huma mimlijin biss kif ser nistagħna jien.

Iż-żagħżugħ ried jimxi wara l-Mulej iżda ma riedx jagħmel din l-għażla. Bl-għażla tiegħu “telaq qalbu sewda, għax kien għani ħafna”. L-għażla għal Ġesu` għandha prezz biex inħallulu spazju f’ħajjitna. L-għażla għall-ħwejjeġ materjali jagħtuk gost fil-mument u jieqfu hemm. Din l-għażla għandha wkoll press għaliex jiġu mumenti fejn nindunaw li għandna vojt fl-ispirtu tagħna. Huwa dan il-vojt li Ġesu` jrid jimlilna!

“Għal Alla kollox jista` jkun”

L-appostli fehmu li dan huwa tqil u qalu lil Ġesu`: “Mela min jista` jsalva?” Ġesu` ma ċaħadx it-toqol ta` min jixtieq jimxi warajh (Gesu` qatt ma daħaq bina – ir-‘riklami’ tiegħu juruna l-verita` mhux jidħak bina). Li qalilna hu li meta nibdew it-triq ma nkunux weħidna: hemm Alla li jgħinna: “Għal Alla kollox jista` jkun”.

Darba Ġesu` qal li hu jkun fost tnejn jew tlieta li jiltaqgħu f’ismu. Mhux biss hemm Alla li jgħinna, iżda hemm Alla li se jgħinni fi ħdan il-kommunita` ta` dawk li se jagħmlu l-mixja miegħi.

Ejjew  nitkellmu bejnietna u nibdew din il-mixja flimkien! Din hija l-offerta tiegħu. Li jonqos biss huwa li ngħidu “Iva” biex nibdew nimxu warajh.

Araw min għamel din il-mixja x’jgħid – jekk jiddispjaċiħx!

+ Pawlu Cremona OP

Arċisqof ta’ Malta

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinkisbu mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]

Jekk kont preżenti għal din l-attivita’ jew tixtieq tikkumenta dwar l-ittra liż-żgħażagħ, ħalli l-kummenti tiegħek.