• Archbishop’s message on the one year anniversary of Pope Francis’ election

  • Konkatidral ta’ S. Ġwann, Valletta
    16 ta’ Marzu 2014

    Fil-bidu tal-ministeru tiegħu, Ġesù mar lura lejn pajjiżu, lejn Nażaret u hemmhekk beda jipprietka. Ipprietka fuq is-saltna t’Alla imma kien hemm xi wħud tfixklu minħabba fih. Kif jista’ bin mastrudaxxa li ma tgħallem imkien jgħid dan il-kliem mimli qawwa? U tfixklu. U jiena naħseb li r-raġuni kienet li iktar ħarsu lejn il-persuna milli ħarsu lejn il-qawwa tal-kliem li kien ħiereġ minn fommu.

    ​Jien naħseb li l-Papa Franġisku għandu l-istess problema. Ftit ilu bdew jgħidulu superman u nkwieta ħafna. Qalilhom: jien bniedem bħall-oħrajn, tħarsux lejja, imma ħarsu lejn id-don li tani Alla. Tfixklu għax baqgħu biss fuq dak li jidher minn barra, u nsew u warrbu fil-ġenb dak li hu verament ta’Alla l-Imbierek. Il-Papa Franġisku huwa don ta’ Alla li jieħu ħsieb l-Knisja. Alla minn żmien għal żmien jurina t-triq fejn għandna mmorru. Dan qed jagħmlu permezz tad-doni li huwa ta lill-Papa Franġisku. Wieħed mill-merti tiegħu huwa ċertament l-umiltà tiegħu. U jiena bdejt naħseb u għidt li kieku kien hawn il-Papa Franġisku u ngħidlu: jien se nipprietka fuqek, naħseb li ma kienx jieħu gost. Imma jekk ngħidlu: jien se nipprietka fuq it-tagħlim tiegħek, kien jieħu gost, għax hekk hu jkun ħa l-ġenb, ħalli t-tagħlim tal-Mulej ikun jidher permezz tiegħu.

    Jiena ħsibt li din is-sena bħala tifkira tiegħu, nieħu l-ittra li huwa tana fil-bidu tar-Randan, u nieħdu xi spunti minnha biex inħallu l-Papa Franġisku jmexxina.

    Fl-ewwel leżżjoni tal-lum aħna rajna silta mill-istorja ta’ Abram. Araw il-paragun mal-Papa Franġisku. Abram il-Mulej ħadu u poġġih f’art il-bogħod  minn fejn kien jgħix. Papa Franġsiku, il-Mulej ġabulna mill-Arġentina minn post ħafna l-bogħod minn hawn. U qrajna llum fl-ewwel lezzjoni li Alla l-Imbierek lil Abram qallu: “int għad tkun barka”. U mhux biss, ” permezz tiegħek il-ġnus kollha jiġu mberkin” (Ġen 12, 2-3). Hux dak li ġara ħuti fi żmienna? Il-Papa Franġisku ġie bħala l-kap tal-Knisja kattolika, imma mhux il-kattoliċi biss semgħuh, kien hemm ħafna aktar nies minn fost il-ġnus (kif insejħulhom) li din il-kelma fehmuha fl-ispirtwalità tagħha u darru lejn Alla l-Imbierek. Din hija l-ewwel riflessjoni tiegħi, ħuti. Kemm hemm bżonn li aħna nagħtu s-sehem tagħna ħalli ħafna aktar nies li għadhom ma jafux bil-Mule, jersqu lejH.   

    Araw xi jgħid il-Papa Franġisku f’din l-ittra tiegħu. F’kull epoka u f’kull post Alla jissokta jsalva lill-bnedmin u d-dinja permezz tal-faqar ta’ Kristu. Din hija t-triq il-ġdida tal-evanġelizzazzjoni.  Kristu ried li l-Knisja tiegħu li hi l-poplu t’Alla, tkun fqira. L-għana ta’ Alla ma jistax jgħaddi minn ġo l-għana tagħna. Aħna kultant naħsbu li billi nżejnu l-postijiet inkunu qed  nuru  l-kobor ta’ Alla. Imma Alla mhux hekk għamel, Alla għażel il-faqar meta ġie Ġesù. Ġesù kien bin il- mastrudaxxa, u aħna rridu naraw ftit kif se nibdew nevanġelizzaw bħalu, imma dejjem u biss minn ġol-faqar tagħna. Iktar ma nirrikonoxxu li aħna m’aħna xejn – dak huwa l-faqar – allura hemmhekk iktar jista’ jaħdem Alla l-Imbierek, għaliex mix-xejn tagħna jidher il-kobor tiegħu, minn ġol faqar tagħna personali u komunitarju jixxandar Kristu.   

    Fil-Vanġelu tal-lum (Mt 17, 1-9) aħna rajna r-rakont tat-trasfigurazzjoni tal-Mulej. Ġesù kien jaf lid-dixxipli tiegħu kienu se jinħasdu meta jarawh fuq is-salib u allura ried li tlieta minnhom ikollhom din l-esperjenza personali ta’ Ġesù, din id-darba fil-glorja tiegħu. It-tagħlima li jagħtina il-Papa Franġisku: aħna ma nistgħux nimxu f’din id-dinja ta’ madwarna li hija tant materjalista jekk aħna ma nqawwux lilna nfusna bit-talb lejn Alla l-Imbierek. Għalhekk huwa qalilna kemm il-darba kemm itlob, kemm iħobbu t-talb, kemm jafda fit-talb f’dak kollu li jagħmel. Tiftakru, li meta deher għall-ewwel darba wara l-elezzjoni tiegħu hu staqsa lil dawk preżenti biex jitlob għalih, u baxx rasu biex jilqa’ t-talb tagħhom. Dan wera kemm jemmen fl-interċessjoni tat-talb tal-bnedmin quddiem Alla l-Imbierek. Aħna wkoll irridu nagħmlu l-esperjenza tat-trasfigurazzjoni, jiġifieri li meta nitlobu irridu inkellemu lil Ġesù verament. It-talb ma għandux ikun biss formoli, dawk importanti ħafna, imma jiena rrid inkellem lil Ġesù bħalma Pietru kellmu wara dik il-viżjoni li kellhom tal-Mulej Ġesù fit-trasfigurazzjoni.

    F’din l-ittra, Papa Franġisku jerġa’ jgħidilna li aħna rridu bilfors inkunu qrib tal-Mulej Ġesù. Darba qrajt sentenza sabiħa ħafna li kienet tgħid hekk: Jista jkun li aħna mhux dejjem inkunu fil-ferħ li kellhom l-appostli meta kienu hemmhekk quddiem Ġesù trasfigurat, imma, idejna, ngħaddu min xiex ngħaddu, trid tkun dejjem f’idejh. Ma nistgħux inħallu jdejna l-bogħod mill-idejn tiegħu. Papa Franġisku f’din l-ittra jgħidilna li l-miżerja umana, li hi wkoll kawża tar-rovina ekonomika, hi marbuta mal-miżerja spiritwali li tiġti meta nitbegħdu minn Alla u nirrifjutaw imħabbtu. Jekk naħsbu li m’għandniex bżonn ta’ Alla, li fi Kristu jżommilna jdejna, għax jidhrilna li nistgħu ngħaddu weħidna, inkunu qed nimxu fit-triq tal-falliment. Alla hu l-uniku wieħed li jista tabilħaqq isalva u jeħles.

    Fit-tieni lezzjoni li smajna llum minn San Pawl lil Timotju (2 Tim 1, 8b-10), San Pawl jgħid lil Timotju: il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu ġiet għandna propju mill-eternità għax il-grazzji tal-Mulej la joħorġu minnu huma bilfors eterni u jibgħu magħna. Imma qalilna li fi Kristu Ġesù dik il-grazzja saret ġisem, dik il-grazzja nkarnat ruħha biex dak li ried jgħidilna Alla l-Imbierek ikun aktar faċli li narawh fil-Mulej tagħna Sidna Ġesù Kristu. Kemm hu sabih tara l-Mulej jaħfer minn fuq is-salib. Hekk it-tagħlim li hu qalilna fuq il-maħfra isir iktar qawwwi. Aħna rridu naħfru għaliex Ġesù ħafer lil dawk li sallbuh. Jekk lilna jgħidulna biex nieħdu ħsieb lil dawk li huma msejknin iktar minna, dan nagħmluh għaliex Ġesù ħa ħsieb ta’ dawk li kellhom bżonn il-għajnuna tiegħu.

    Il-Papa Franġisku kemm-il darba qalilna: it-triq tagħna hija t-triq tal-Mulej Ġesù. Ġesù mhux qiegħed hemm prinċipalment biex nitolbuh, nagħmlu sew jekk aħna nitolbu lilu għax hu jrid iwassalna għand il-Missier. Imma Ġesù qiegħed hemm prinċipalment biex aħna nimxu fuq il-passi tiegħu. Ma jistax wieħed jgħid li jħobb lill-Mulej Ġesù u ma jaqrax il-ħajja tiegħu. Ma tagħmilx sens! Għax Ġesù qiegħed hemmhekk biex aħna nimxu fuq il-passi tiegħu.

    Il-Papa Franġisku jispjega li l-iskop li għalih Ġesù sar fqir. Ma kienx il-faqar fih innifsu. Hu ma jrid lil ħadd ibati minħabba l-faqar. Imma kif jgħid San Pawl biex aħna nistagħnu permezz tal-faqar tiegħu. Dan mhux logħob bil-kliem, xi espressjoni li tiġbed l-attenzjoni, imma hi sintesi tal-loġika ta’ Alla, il-loġika tal-imħabba, il-loġika tal- inkarnazzjoni u tas-salib. Alla ma qabadtx u xeħet fuqna s-salvazzjoni mill-għoli, bħal karità ta’ min jagħti miż-żejjed tiegħu bi pjetiżmu filantropiku. Mhijiex din l-imħabba ta’ Kristu. Meta Kristu niżel fl-ilmijiet tal-Ġordan u tgħammed minn Ġwanni l-Battista dan m’għamlux għax kellu bzonn tal-penitenza jew tal-konverzjoni, għamlu biex jidħol fil-qalb in-nies li għandhom bżonn tal-maħfra. Ġesù ried ikun fostna l-midinbin, biex jerfa fuqu t-toqol ta’ dnubietna. Din hi t-triq li għażel biex ifarraġna, jifdina, u jeħlisna mill-miżerja tagħna. Dan ifisser dak li jgħid l-Appostlu, li aħna ġejna meħlusa mhux permezz tal-għana ta’ Kristu, imma permezz tal-faqar tiegħu.

    Ħuti, il-Mulej tana Papa li kapaċi jmexxina bit-tagħlim tiegħu li jagħtina gradwalment. Ejjew noqgħodu attenti għat-tagħlim tal-Papa, għaliex aħna ċerti li l-grazzja tal-Mulej qiegħda fuqu u li Alla tagħulna biex aħna nimxu fuq il-passi li qed jurina hu.

    + Pawlu Cremona O.P.

    Arċisqof ta’ Malta