Knisja Madonna ta’ Liesse, Valletta
20 ta’ April 2013
Ħuti, aħna lkoll nafu li Marija, il-Madonna, hija l-isbaħ dixxiplu tal-Mulej; għaliex hija l-ikbar dixxiplu tal-Mulej? Għal tlett raġunijiet. L-ewwelnett irridu nimmaġinaw xi tfisser tgħix 30 sena ma’ Sidna Ġesù Kristu. Min jaf kemm qalilha veritajiet li wara kellu jgħidhom lill-appostli. Imma jiena ċert li f’dawk it-30 sena kien għallimha dawk il-veritajiet profondi tal-fidi tagħna. Kienet l-isbah dixxiplu tal-Mulej għaliex kienet tisma’ lil Ġesù, kienet taċċetta l-kelma t’Alla totalment ġewwa fiha.
It-tieni raġuni li għaliha l-Madonna hija l-isbaħ dixxiplu tal-Mulej hi t-tnissil tagħha mingħajr tebgħa. Tafu li aħna għandna dejjem problema meta nigu biex nemmnu; ikollna problema għax għandna l-ħażen ġo fina, għandna t-tfixkil ġo fina, allura kultant jiġina d-dubju hawn, kultant dubju hemm. Fil-Madonna dan ma sarx għax il-Madonna ma kellhiex ġlieda tat-tajjeb u l-ħażin ġewwa fiha; kellha biss it-tajjeb, lanqas id-dnub tan-nisel ma kellu post għand Sidtna Marija.
It-tielet raġuni hi li l-Madonna hija mimlija bl-Ispirtu s- Santu. Tiftakru kif l-appostli fehmu kollox meta niżel l-Ispirtu s-Santu fuqhom, f’Pentekoste. Fil-Madonna, l-Ispirtu s-Santu, kien niżel fuqha qabel. Tiftakru meta ġie l-anġlu Gabrijel u bdiet tgħidlu: kif jista’ jkun dan la jien ma nagħrafx raġel? U jaqbeż l-anġlu u jgħidilha: toqgħodtx tinkwieta, Marija, għax l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek.
Marija Santissima hija l-isbaħ dixxiplu tal-Mulej. Dawn it-tlett lezzjonijiet li għadna kemm smajna, ejjew naraw ftit kif għexithom Sidtna Marija, ħalli tkun ta’ dawl għalina.
Fil-Vanġelu tal-lum rajna lil Sidna Ġesù Kristu jgħidilna li huwa r-Ragħaj tagħna, li aħna n-nagħaġ tiegħu u li hu jħobbna b’imħabba li
ma tistax titqies, għaliex kif isemmi Sidna Ġesù Kristu: jiena u l-Missier aħna ħaġa waħda, u qalilna li jagħrafna b’isimna (Ġw 10, 27-30). Kienet l-Madonna li flimkien ma’ San Ġużepp taw l-isem lil Ġesù. Sidtna Marija narawha fil-Vanġelu tissejjah b’isimha. Meta ġie l-anġlu Gabrijel u qalilha: Tibżax Marija. Meta kien fuq is-salib, Sidna Ġesù Kristu lil Ġwanni l-Evanġelista qallu: Din hija ommok u imbagħad qal lilha: dan huwa ibnek. Mela Sidna Ġesù Kristu kien jaf verament l-isem ta’ Marija bħala xi ħaġa li hija intima bejn il-persuni. U Sidtna Marija wieġbet għaliha b’dak il-kliem li huwa tant qawwi: ‘Jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek’.
Mela l-ewwel ħaġa li qed tgħallimna Sidtna Marija: ejjew nersqu iktar qrib lejn dak li hu r-Ragħaj tagħna. Ħa ngħid xi ħaġa daqsxejn kerha; kultant qisna nibżgħu. Irridu l-Mulej joqgħod l-bogħod, li ma jmurx jitlobni xi ħaġa li jien ma nixtieqx. Imma nafu li meta l-Mulej jitlob xi ħaġa, forsi iktar qdusija, forsi iktar imħabba, l-Mulej ma jħalliniex weħidna, jgħinna biex aħna nikbru fl-imħabba. Mela l-ewwel ħaġa li tgħallimnna Sidtna Marija hi: għiduh il-kliem ta’ Alla l-Imbierek, ovvjament, bħala qima, bħala dawl li huwa tant sabiħ.
It-tieni ħaġa li rajna llum hi mill-ewwel lezzjoni tal-lum (Atti 13, 14,43-52); aħna qed naqraw mill-Atti tal-Appostli, kif dawn għexu l-ewwel żmien wara li Ġesù tela’ s-sema u niżel l-Ispirtu s-Santu fuqhom. Rajna lil San Pawl u lil Barnaba li ma laqgħuhomx, huma daru lejn il-pagani biex ikunu jistgħu jagħtuhom il-kelma la darba l-Lhud ma aċċettawx. U din hija t-tieni ħaġa li tgħallimna l-Madonna: il-Madonna hija dik li ma tiddejjaqx tferrah lil ħaddieħor. Per eżempju tiftakru meta marret għand Eliżabetta u hemmhekk t-tnejn bdew jifirħu għaliex it-tnejn kellhom ġewwa fihom tarbija: waħda lil Ġwanni l-Battista u l-oħra kellha lil Sidna Ġesù Kristu u allura bdew jifirħu ma’ xulxin. l-Madonna, nafu li anke fit-tieġ ta’ Kana, kienet hi li daħlet għall-għarajjes. Naħseb li għaliex ċedihielha Ġesù, ma naħsibx li Ġesù ġo qalbu ma ħassx għal dawk iż-żewġ għarajjes – imma ried iċedihielha, biex nagħarfu kemm il-Madonna tidħol għalina bħalma daħlet għall-għarajjes ta’ Kana. Sidtna Marija f’dak it-tieġ u riedet tferrah lil dawk l-għarajjes għax kellhom problema billi ma kellhomx biżżejjed inbid.
Din hija t-tieni tagħlima li tgħallimna l-Madonna: aħna rridu nkunu bħal dawk l-appostli tal-ewwel żminijiet. U jekk inti tista tferraħ lil xi ħadd b’Ġesù, għaliex iżżomm lura? U jekk inti tara lil xi ħadd imtaqqal b’xi ħaġa għaliex ma tgħidlux jew ma tgħidilhiex: jiena se nibda nitlob għalik, ejjew nitolbu flimkien. Dawn iridu nagħmlu għaliex il-Knisja ta’ l-ewwel żminijiet inbniet mhux għax kellha knejjes sbieh, ma’ kellhiex; huma kellhom biss lil Ġesù ġol-qalb tagħhom u allura kienu jagħtuh lil ħaddieħor.
It-tieni lezzjoni tal-lum kienet mill-Apokalissi (Apok 7,9.14-17). L-Apokalissi huwa l-aħħar ktieb tal-Ġdid Testment u jwassalna sat-tieni miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu, għalhekk għandu dawk il-viżjonijiet kollha. U hawnhekk ma nistgħux ma niftakrux li aħna qed nibnu lilna nfusna mhux biex nibqgħu hawn. Jalla ndumu hawn mitt sena, kull wieħed u waħda minna, imma aħna m’aħniex qed nibnu għal hawn għax nafu li xi darba rridu mmorru għand il-Missier. Aħna qegħdin nibnu għal ħajja li għad trid tiġi fejn aħna mmorru bil-pakkett tagħna li huwa l-pakkett tal-għemejjel tajba u mmorru quddiem Alla l-Missier biex noqgħodu miegħu għal dejjem.
Sidtna Marija kienet, naħsebjien, l-ewwel waħda li emmnet fil-qawmien għaliex l-għada, Ħadd il-Għid, Sidtna Marija ma marritx fejn il-qabar. Ara l-oħrajn li kienu jħobbu ’l Ġesù marru ħdejn il-qabar, jiġifieri ma emmnux li huwa qam. Imma Sidtna Marija ma marritx ħdejn il-qabar għax kienet taf li huwa qam. Ġesù lilha ma dehrilhiex, hi ma kellhiex bżonn li hu jidher għax kienet temmen fil-fond ta’ qalbha diġa dak li wara l-appostli kellhom jgħaddu għalih. Imma Sidtna Marija nħarsu lejha bħala dik li qigħda fil-lemin tal-Missier.
Tafu li Sidtna Marija hija l-ewwel waħda li ġiet imtella’ s-sema bir-ruħ u bil-ġisem. Aħna mal-ewwel kif immutu tkun ir-ruħ tagħna li tmur għand il-Missier, il-ġisem jitmermer. Il-Madonna ma kellhiex bżonn li l-ġisem tagħha jitmermer għax ma kellha l-ebda dnub ġol-ġisem tagħha, lanqas id-dnub tan-nisel.
Għalhekk aħna lil Sidtna Marija rridu nħarsu lejha, billi xi kultant inkunu fil-kwiet u nħarsu lejha qegħda fil-lemin tal-Missier ħdejn Binha Ġesù u ngħidulha: Marija, tina l-grazzja li aħna lkoll naslu fejn wasalt int, anke bl-għajnuna tiegħek Għalhekk il-Madonna ħallejniha llum tkun dik li twassalna, bħalma għexet hi, għand il-Missier. Ejjew nippruvaw niftakru dawn it-tlett lezzjonijiet u nippruvaw ngħixuhom mill-aħjar li nistgħu.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta