-
Ta’ Xbiex
2 ta’ Lulju 2014Ħuti, illum se jibda l-missjoni tiegħu Patri Salv bħala kappillan ta’ din il-parroċċa. X’inhi parroċċa? Parroċċa hija żewġ realtajiet: l-ewwelnett hija realta ta’ dawk li jiltaqgħu bħala komunita kif qegħdin aħna hawnhekk. Aħna l-komunita li hija l-parroċċa. Imma mbagħad meta ngħidu li hemm parroċċa rridu ngħidu wkoll li meta l-Isqof għamilha parroċċa taha territorju biex tevanġelizzaħ, fil-każ tagħna ta’ Xbiex. Mela parroċċa hija komunita imma hija komunita li tevanġelizza.
Il-lezzjonijiet, kien qed jgħidli l-kappillan, għażilhom hu. U meta kont qed naqra t-tieni lezzjoni mill-ewwel ittra ta’ San Ġwann (1Ġw 4, 7-12), li qiegħed jitkellem fuq l-imħabba, għidt mela l-kappillan m’għandux bżonn jagħmel ħafna iktar pjanijiet għax dik il-leżżjoni kienet titkellem fuq l-imħabba u allura jekk din il-komunita parrokkjali tgħid: aħna se nikbru fl-imħabba t’Alla u tal-proxxmu, hi diġa tkun qed tibni pjan għaliha li jħalli ħafna ġid, nikbru fl-imħabba.
F’din il-lezzjoni San Ġwann għamlilna qiesu pjan: allura kif se nikbru fl-imħabba? U poġġih hekk dan il-pjan. L-ewwel beda bil-prinċipju: Alla huwa imħabba. U din importanti li aħna nikbru fiha. Tiddejqux meta tkunu qegħdin titolbu li terġgħu tirrepetuha: Alla huwa mħabba, hu jħobbni. Imbagħad San Ġwann li konna poġġilna tlett riflessjonijiet kif nikbru fl-imħabba.
L-ewwelnett qalilna tikber fl-imħabba mhux għaliex inti se tagħmel xi ħaġa lil Alla, imma għaliex Alla jista’ jagħmel xi ħaġa fik. U din hija l-ewwel mixja li naħseb din il-komunita trid tagħmel: mumenti ta’ talb fejn noqgħodu quddiemu u ngħidulu biss: Mulej, imliena bl-imħabba tiegħek. Dejjem ftakru, ħuti, li meta aħna nħobbu lil Alla ma nkunu qed nżidulu xejn, imm meta nħobbu lil Alla nkunu qed nagħtuh ċans biex hu jimliena bl-imħabba tiegħu. Dik hi l-vera idea ta’ x’inhi l-imħabba t’Alla: hu ħabbna l-ewwel, mhux aħna ħabbejnih l-ewwel. U allura tajjeb li aħna nagħmlu att ta’ ringrazjament lill-Mulej. L-l-adorazzjoni li nagħmlu fil-Knisja tkun att ta’ ringrazzjament: grazzi, Mulej għaliex int tħobbni daqshekk, ma nistax nifhem għaliex tħobbni, għaliex ilkoll inqisu lilna nfusna bħala xi ħaġa żgħira, imma quddiem Alla l-Imbierek jidher li aħna nidhru bħala bnedmin prezzjużi quddiemu.
It-tieni riflessjoni li għamel San Ġwann jgħid li l-aktar li ħabbna Alla l-Imbierek għaliex bagħat lil Sidna Ġesu Kristu biex jiġi fostna. U din kienet l-ikbar att ta’ mħabba li seta’ jagħti Alla l-Missier. Kemm hu importanti, ħuti, li aħna naqraw il-kelma t’Alla. U kif se nistagħġbu b’dak li għamel Ġesu għalina jekk aħna ma naqrawx b’attenzjoni l-kelma tiegħu b’mod speċjali il-Vanġelu? Kif se nkunu nafu għemil wara l-ieħor, l-imħabba li wera lill-bnedmin u li permezz tiegħu ried juri l-imħabba lejna? Din hija it-tieni mixja li wieħed irid jagħmel. Il-kelma t’Alla f’komunita parrokkjali trid tkun importantissima, għax aħna lkoll irridu nispjegaw lil min jiġi u jistaqsina u ngħidulu għaliex Alla ħabbna fi Kristu. Alla ħares, ħuti, aħna ma nkunux ippreparati biex inwieġbu. Alla ħares jiġi xi ħadd jgħidlek: imma inti għaliex tħobb? U inti tibqa’ b’ħalqek miftuħ għaliex ma dħaltx biżżejjed fil-misteru tal-imħabba ta’ Kristu.
L-aħħar ħaġa li jgħidilna San Ġwann fuq l-imħabba hija jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin. U hawnhekk naħseb tidħol l-Ewkaristija. F’waħda mir-riflessjonijiet li kien għamel l-Papa Ġwanni Pawlu II, il-qaddis, kienet din: l-Ewkaristija hija dik il-grazzja li tiġborna lkoll flimkien. Kif se noħorġu minn hawnhekk, l-Ewkaristija li se jkun hemm ġo fija, hija l-istess Ewkaristija li se jkun hemm ġo fik, u ġo fik, u ġo fik. Kif ma tagħmilniex ħaġa waħda? Kif tista’ din il-qawwa li hemm fl-Ewkaristija lili ma ttiniex il-qawwa li anke jekk kultant ikollna xi ħaġa xi ngergru imma ma nħalluhiex tfixklilna l-paċi tal-qalb li tagħtina l-Ewkaristija? U allura dan naħseb huwa il-pjan li l-Mulej ħejjilkom bħala komunita ta’din il-parroċċa biex intom tkunu tistgħu tikbru fl-imħabba ta’Alla u allura dan il-pjan tal-imħabba t’Alla tkunu tistgħu tqisuh.
Fil Vanġelu tal-lum aħna rajna dak l-episodju ta’ San Pietru (Ġw 21, 15-19). San Pietru ċaħad lill-Mulej għal tlett darbiet, iddispjaċih ħafna li ċaħad lill-Mulej u l-Mulej fil-Vanġelu tal-lum rajnih jerġa jagħtih tlett ċansijiet biex iċ-ċaħdiet, kull waħda minnhom, ipattiha bix-xhieda tiegħu. “Inti taf li jiena nħobbok, Mulej, inti taf li jiena nħobbok”. Issa Sidna Ġesu Kristu seta’ jidħol fil-qalb ta’ Pietru li kient inbidlet. Għaliex Pietru kellu problema waħda li kien iħobb lil Ġesu b’qalbu kollha imma ma kienx liberu għax il-ħin kollu irid jagħmel tiegħu. Jekk jiġi Ġesu biex jaħslilhom riġlejhom Pietru jgħidlu: le ma taħsilliex riġlejja, il-ħin kollu sejjer hekk Pietru. Allura fl-aħħar induna li mhux hekk irid jimxi, imma jrid jimxi wara l-Mulej Ġesu. U ndunajtu xi kliem sabih qal lil Pietru. Qallu: ‘Pietru, issa nista’ nafdak jiena bil-Knisja tiegħi għaliex issa sirt naf li inti lest li mhux fejn trid int tmur, imma anke meta jeħduk f’post ieħor, inti tkun lest li tibqa’ miegħi’. U hemnmhekk kien hemm il-futur kollu ta’ San Pietru. San Pietru minn dak il-mument ma baqax jimxi hu imma skont l-bżonn tal-Knisja tiegħu. U allura għat-tieni darba jerġa jgħidlu l-Mulej: “ejja warajja”. Tiftakru fil-bidunett meta kien għadu sajjied, meta Sidna Ġesu Kristu qallu biex jimxi warajh? Pietru ħalla kollox u mar wara Ġesu, għax qallu ejja warajja? Issa wara din il-bidla ta’ Pietru qed jgħidlu l-istess ħaġa: ejjja warajja, imma issa nista’ nafdak għax inti ħallejt kollox f’idejha.
Għażiż kappillan, li din is-silta li inti stess għażilt napplikawha anke għalik illum bħala kappillan? Illum il-Mulej se jgħidlek: inti tħobbni iktar minn dawn? U se jgħidlek hekk għaliex inti irid ikollok iktar imħabba biex tagħti lil dawn li qegħdin quddiemek. Inti trid tikber fl-imħabba, l-ewwel pass. It-tieni ħaġa trid tkun bħal San Pietru wara li nbidel, li kull fejn tħoss li l-poplu t’Alla għandu bżonnok f’din il-parroċċa inti se tkun lest bħal tagħtih lilek innifsek. Din hija l-missjoni li llum il-Mulej qiegħed jafdalek.
Għeżież parruċċani żommu f’qalbkom lil kappillan il-ġdid u itolbu għalih.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta