• Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid
    6 ta’ Lulju 2014

    Ħuti, meta niġu hawnhekk niġu billi nagħmlu att ta’ fidi: hawnhekk se nisimgħu dak li qal il-Mulej Ġesù u nemmnuh u għalina jsir il-verita.

    Meta Ġesù ġie fid-dinja huwa kellimna dwar Alla l-Missier, dwar Alla l-Iben u Alla l-Ispirtu s-Santu. U aħna nemmnuh dak li qal Ġesù. Kellimna fuq il-Missier meta qalilna li għandna Missier fis-sema li jħobbna. Hu tant iħobbna li bagħat lil Ibnu l-waħdieni biex jifdina. Fuq Ġesù nafu ħafna għax għandna l-Vanġelu. Imbagħad Sidna Ġesù Kristu kellimna wkoll dwar l-Ispirtu s-Santu.

    Fil-bidu tal-missjoni tiegħu Ġesù, bħala bniedem jgħid: “l-Ispirtu ikkonsagrani biex nagħmel il-ġid lil dawk li hawn madwari” (Is 61,1). U naħseb l-Appostli bdew jaħsbu: ‘imma allura x’inhu dan l-Ispirtu s-Santu?’ Meta Sidna Ġesù Kristu mar jitgħammed minn Ġwanni fix-xmara Ġordan, f”dak il-mument niżlet fuqu ħamiema (Mt 3,16) li aħna nafu li kienet l-Ispirtu s-Santu u allura anke dawk li kienu madwaru bdew jemmnu dwar l-Ispirtu s-Santu.

    Imma l-iktar li tkellem Sidna Ġesù Kristu dwar l-Ispirtu s-Santu kien fl-aħħar ċena. Imdawwar mill-Appostli, jibda jkellimhom u jgħidilhom ħafna fuq Alla l-Missier u fuq l-Ispirtu s-Santu u f’dak il-mument jagħmlilhom proposta li mhux faċli: “intom tridu tmorru fid-dinja kollha xxandru l-bxara t-tajba”. Immaġinaw daqsxejn dawk l-appostli sajjieda u qed jgħidilhom imorru fid-dinja kollha ixandru l-bxara t-tajba! Min jaf x’ħassew f’dak il-mument. Imma mbagħad għamlilhom wegħda: “imma intom mhux se tkunu weħidkom għax jiena se nibgħat l-Ispirtu s-Santu biex ikun magħkom f’din il-missjoni” (ara Ġw 14, 15).

    U allura x’ġara? Meta Sidna Ġesù Kristu tela’ s-sema u dawk ħassewhom weħidhom bdew jitolbu biex il-wegħda ta’ Sidna Ġesù Kristu sseħħ ħalli verament l-Ispirtu s-Santu jinżel fuq l-Appostli. U dawk kienu qegħdin jitolbu, u ma kienux weħidhom l-appostli, magħhom kien hemm Marija omm Ġesù. Kienu qegħdin flimkien jitolbu biex jinżel l-Ispirtu s-Santu. Imbagħad niżel l-Ispirtu s-Santu u aħna nafu x’ġara.

    Kien Pentekoste, kienu qegħdin miġburin, f’daqqa waħda semgħu ħoss kbir, u minbarra dak il-ħoss raw ilsna tan-nar li bdew jinżlu fuq l-appostli, fuq kull wieħed minnhom li kienu hemm (Atti 2, 1-4). Importanti din, għeżież żgħażagħ. Jiena mhux se ngħid: ‘Spirtu s-Santu, inżel fuqhom ilkoll’. Mhux hekk se ngħid. Kull wieħed u waħda minnkom ser tiġu hawn quddiemi u jiena nimmarkak bis-salib biex nagħtik l-Ispirtu s-Santu. Jiġifieri l-Ispirtu s-Santu huwa don, huwa grazzja taghna personali minn għand il-Mulej. Aħna l-kbar, kull wieħed u waħda minna, diġa ħadnih u llum intom se tirċevuh l-Ispirtu s-Santu bħala don personali. Nhar Pentekoste f’daqqa waħda ġrat bidla enormi. Dawn l-appostli filli kienu qegħdin jibżgħu, filli ħarġu barra u bdew jipprietkaw lill-Mulej Ġesù. Bdew jipprietkaw lil ħafna nies li ġew minn ħafna postijiet differenti.

    Nixtieq nirringrazzja likom ġenituri talli wassaltu lit-tfal tagħkom għal dan ir-raba’ sagrament li huma se jieħdu. B’tal-lum ikunu ħadu erba’. L-ewwel wieħed huwa fil-Magħmudija u jiena nistħajjel li intom għidtu: aħna fid-dar tagħna kulħadd mgħammed, allura din it-tarbija m’għandhiex tkun mgħammda wkoll?’ U għammidtu lit-tarbija tagħkom. U minn dak il-mument bdejtu tgħallmu lit-tarbija tagħkom fuq Ġesù. Dejjem ftakru li mhux il-katekisti l-ewwel; l-ewwel katekesti huma l-ġenituri li jgħallmu lit-tfal fuq Ġesù.

    Għadda ftit żmien u bdejtu tindunaw li dawn it-tfal tagħkom issa bdew jikbru u bdew jgħażlu bejn it-tajjeb u l-ħażin u intom għidtu: ‘għaliex ma neħduhomx ukoll biex jirċievu s-sagrament tal-Qrar, jew tal-Penitenza kultant insejħulu, l-istess ħaġa? Għaliex dawn it-tfal tagħna issa jkollhom l-għarfien bejn it-tajjeb u l-ħażin u aħna nixtiequ li jkollhom il-fiduċja li jmorru jqerru ħalli jkunu jistgħu jinħafrulhom in-nuqqas tagħhom. U jiena nittama, ħuti għeżiez, li dan is-sagrament ma kienx għal darba biss. Nittama li intom lit-tfal tagħkom twassluhom biex huma jibqgħu jgħixu fid-dawl ta’ dan is-sagrament tal Qrar.

    Imbagħad wasalna għat-tielet sagrament. It-tfal bdew jikbru u intom irraġunajtu kif għandu jirraġuna kull nisrani. U jekk it-tfal tagħna jieklu biex jikbru fil-ġisem m’għandniex nagħtuhom ikel tar-ruħ? U wassaltuhom għall-Ewkaristija biex huma jiġu l-quddies u jkunu jistgħu jieħdu l-Ewkaristija flimkien magħkom. Imma sfortunatament f’Malta hawn inqas minn 50 fil-mija li jmorru l-quddies il-Ħadd, inqas minn 50%. Għalhekk wisq nibża’ li 50 fil-mija ta’ dawk li hawn hawnhekk inklużi dawn iż-żgħażagħ mhux se jmorru l-quddies il-Ħadd. Għeżież ġenituri, ngħidilkom li ladarba kontu intom li wassaltuhom l-ewwel darba għall-Ewkaristija, kunu intom li kull nhar ta’ Ħadd tieħdu lit-tfal tagħkom għall-quddie. Ejjew flimkien bħala familja għall-quddies tal-ħadd, ħalli tkunu tistgħu tgħixu verament il-ħajja nisranija. U llum ġejtu għar-raba’ sagrament li huwa s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof, ngħidulu hekk għaliex preferibbliment ikun l-Isqof li jamministra dan is-sagrament. llum qed insejħulu ukoll, Konfirmazzjoni. Xi tfisser konfirmazzjoni? Tfisser li terġa ġġedded dak li tkun għidt qabel. U tafu li dawn iż-żgħażagħ diġa ħadu l-Ispirtu s-Santu fil-Magħmudija. Imma fil-waqt li fil-Magħmudija kienu l-ġenituri li rrispondew li jixtiequ li jgħammdu dik it-tarbija, issa llum se tkunu intom stess għeżież żgħażagħ li titolbu lill-Ispirtu s-Santu biex tkunu tistgħu tgħixu qrib ta’ Ġesù u msaħħin mill-Ispirtu s-Santu, lil Sidna Ġesù Kristu ma tibdluh ma’ ħadd u ma’ xejn.

    Niextieq ngħid xi ħaġa lill-ġenituri. Jiena għadni niftakar il-ġrajjiet ta’ meta kont żgħir: meta konna mmorru ngħumu, dak iż-żmien l-Għadira, ma kellniex karozza, konna mmorru bil-karozza tal-linja, u għadni niftakar ukoll meta konna mmorru nilgħabu l-futboll flimkien ma’ missieri. Imma għandi memorji oħrajn, għandi tifkiriet ta’ meta konna mmorru flimkien il-quddies. Għeżież ġenituri, tħalluhomx mingħajr din il-memorja lit-tfal tagħkom, ejjew magħhom il-quddies bħala familja ħalli huma ‘l quddiem jiftakru li kinu jmmorru mal-ġenituri tagħhom il-quddies.

    Nixtieq ngħid xi ħaġa lill-parrini wkoll. Xi jkun parrinu vera? Ngħidilkom storja vera. Darba, ilu s-snin, kont qiegħed fuq karozza tal-linja, u jiġi ħdejja wieħed raġel li kont nafu. Dan ir-raġel kellu kaxxa u qalli: aqta’ x’ser nagħmel b’din il-kaxxa? Jiena għidtlu li ma nafx u qalli ħa ngħidlek storja, storja vera. Qalli li dak kien rigal li ta’ kull sena jiehu li dik li ghamlilha parrinu fil-magħmudija. Fil-gwerra dan kien fin-navy, u waqt bumbardament kien hemm tarbija li kienet fil-periklu. Ġie saċerdot fuqu li ma kienx jafu, u staqsih joqgħodtx parrinu ta’ din it-tarbija li kien ser igħammed. U għalkemm ma kienx jafha, aċċetta li jkun parrinu. Minn dakinhar tal-gwerra baqa’ s’issa jmur darba fis-sena propju fil-ġurnata li kienet tgħammdet, biex jara kif inhi sejra fil-ħajja tagħha, issa miżżewġa bit-tfal.

    Għeżież parrini, dan huwa parrinu veru! Li jinteressah mit-tfal li tagħhom huwa parrinu. Qisu li tgħinu l-ġenituri b’xi kelma tajba kultant. Tiddejqux tgħidulhom lill-ġenituri tagħhom biex biex jieħdu ħsieb lil dawn it-tfal li ser jirċivu l-griżma ħalli jgħixu l-ħajja Nisranija. Lil dawn it-tfal li intom parrini tagħhom, kellmuhom, anke meta jikbru aktar, speċjalment jekk ikun tilfu jew fil-periklu li jitilfu t-triq tal-Mulej.

    ✠  Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta