L-Arċisqof Pawlu Cremona, il-Ġimgħa 23 ta’ Ottubru, żar l-iskola Primarja ta’ San Ġorg f’Ħal Qormi. Matul din iż-żjara Monsinjur Arċisqof wissa dwar l-importanza li l-ġenituri jkollhom ħin biżżejjed ma’ uliedhom biex ikunu jistgħu jgħaddulhom il-valuri neċessarji, bħal rispett u ġenerosita’ lejn il-proxxmu. Filwaqt li wera l-apprezzament tiegħu lejn id-dedikazzjoni li l-ġenituri juru lejn uliedhom, l-Arċisqof wera t-tħassib tiegħu dwar kemm l-avvanzi li saru fid-dinja tal-komunikazzjoni, bħat-televiżjoni, qed iħallu influwenza u x’tip ta’ influwenza qed ikollhom fuq it-tfal.
Monsinjur Arċisqof qal li l-aħjar edukaturi jibqgħu dejjem il-ġenituri, flimkien mall-kollaborazzjoni tal-għalliema. L-Arċisqof kompla jgħid li hu importanti għall-ġenituri li jfasslu pjan għal uliedhom biex irawmulhom l-valuri neċessarji. Saħaq ukoll li l-ġenituri ma jridux jibżgħu jagħtu edukazzjoni tajba lill-uliedhom u tenna li dawn għandhom jittrattawhom mhux biss ta’ tfal iżda bħala l-adulti tal-futur.
Meta kien qed jitkellem dwar l-imġieba, l-Arċisqof qabbel lit-tfal ma’ sponża li tassorbi kollox u għalhekk għamel referenza għall-imġieba li għandu jkun hemm fid-dar u li fi kliemu għandha tkun waħda eżemplari. L-Arċisqof Cremona kkonkluda li mat-tfal qatt m’għandna nagħżlu t-triq il-faċli u nagħtuhom kollox, għax din qal, mhux ser tgħinhom biex ikollhom imġieba tajba fil-futur u lanqas mhu se tgħinhom biex ikollhom relazzjonjiet b’saħħithom iktar ‘il quddiem.
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti jistgħu jinxtraw mill-ħanut Photocity, il-Belt.
Jekk kont preżenti għaż-żjara tal-Arċisqof fl-iskola primarja ta’ Ħal Qormi, ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.