L-Isqfijiet ta’ Malta flimkien mas‑Segretarju Parlamentari għad‑Djalogu Soċjali u ċ‑Chairperson tal‑MCESD.
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

F’laqgħa tal‑Kunsill Malti għall‑Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), l‑Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi flimkien mas‑Segretarju Parlamentari għad‑Djalogu Soċjali Andy Ellul u l‑Imsieħba Soċjali ddiskutew id‑dritt tal‑ħaddiema fis‑soċjetà Maltija.

Waqt il‑laqgħa, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta ddiskutiet ir‑rapport tagħha “Beyond GDP II ‑ Third Country Nationals in Malta: Sharing in our economic future or serving labour market interests?” li ħareġ f’Diċembru li għadda. Dan jitfa’ dawl fuq l‑isfidi moħbija taċ‑ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’Malta (TCN) waqt li qed jikkontribwixxu għat‑tkabbir tal‑ekonomija Maltija.

L‑Arċisqof Charles Scicluna tkellem dwar waħda mill‑problemi li qed jiltaqgħu magħha ċittadini ħaddiema Maltin u barranin, dik tal‑emerġenza ta’ housing affordabbli. Hu talab lill‑imsieħba soċjali kollha sabiex jagħmlu l‑almu tagħhom ħalli ż‑żgħażagħ Maltin u anke l‑barranin ikunu jistgħu jibnu futur b’dinjità. L‑Arċisqof semma kif il‑Knisja, flimkien mal‑Istat, waqqfet il‑Fondazzjoni għall‑Akkomodazzjoni Affordabbli, li toffri akkomodazzjoni soċjali bi prezzijiet iktar baxxi għal nies bi dħul baxx u medju.

Dwar il‑migrazzjoni, l‑Arċisqof Scicluna qal li biex il‑pajjiż jimplimenta politika dwar il‑migrazzjoni li tiżgura d‑dinjità ta’ kull ħaddiem, irridu niftakru fl‑għeruq tagħna, għaliex missirijietna stess kienu immigranti. Saħaq li l‑Knisja f’Malta qed tagħmel ħilitha biex tgħin komunitajiet Kattoliċi barranin f’Malta jħossuhom milqugħin fis‑soċjetà permezz ta’ sostenn pastorali u spiritwali. L‑Arċisqof saħaq li l‑preżenza sabiħa ta’ dawn ħutna tinħass sew fil‑parroċċi tagħna.

Is‑Segretarju Parlamentari għad‑Djalogu Soċjali Dr Andy Ellul matul id‑diskors tiegħu saħaq li tul dawn l‑aħħar snin il‑Gvern wera biċ‑ċar li jemmen fil‑ħiliet ta’ kull ħaddiem f’pajjiżna, irrispettivament miċ‑ċittadinanza tagħhom. Semma miżuri kuraġġużi li ttieħdu, fosthom ir‑regoli l‑ġodda għall‑ħaddiema tal‑pjattaforma diġitali, jiġifieri dawk involuti fil‑kunsinna ta’ prodotti għall‑konsumatur, bħall‑ikel; liema regoli assiguraw id‑dritt ta’ pagi u kundizzjonijiet tajba għal dawk il‑ħaddiema ġejjin minn pajjiżi terzi. Is‑Segretarju Parlamentari Ellul għamel aċċenn ukoll għall‑miżura li permezz tagħha ġew projbiti ż‑Zero Hour Contracts, liema kuntratti ta’ xogħol kienu joħolqu prekarjat u stress fost il‑ħaddiema.

B’referenza għall‑aġenziji tax‑xogħol imsemmija fir‑rapport Beyond GDP II, is‑Segretarju Parlamentari qal li l‑Gvern għaraf li kien hemm bżonn qafas regolatorju biex l‑operaturi serji jitħallew ikattru l‑ġid f’pajjiżna. Għalhekk, is‑sena li għaddiet ġiet introdotta l‑ikbar riforma industrijali s’issa, li permezz tagħha, sabiex aġenzija tax‑xogħol tkun tista’ topera irid ikollha liċenzja valida; dan flimkien ma’ penali ħorox għal min jinstab li jkun qiegħed jabbuża. “Għal dan il‑Gvern, l‑isfruttament huwa inaċċettabbli. Kien għalhekk li daħħalna l‑Equal Pay for Work of Equal Value, biex il‑ħaddiema li jkunu impjegati ma’ aġenziji tax‑xogħol ikollhom id‑dritt għal paga u kundizzjonijiet dinjitużi,” saħaq Dr Ellul.

Is‑Segretarju Parlamentari Ellul temm jgħid li dawn ir‑riformi kollha qed jinħassu u bdew itejbu l‑kwalità tal‑ħajja ta’ eluf ta’ ħaddiema f’Malta. “Hekk biss nistgħu nkomplu nkattru x‑xogħol f’pajjiżna, filwaqt li d‑dinjità u l‑ħiliet tal‑ħaddiema jiġu rispettati,” temm jgħid is‑Segretarju Parlamentari.

Il‑President tal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi jispjega r-rapport Beyond GDP II
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Il‑President tal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Daniel Darmanin, spjega li dan ir‑rapport tal‑Knisja hu xhieda ta’ kemm l‑iżvilupp veru ma jitkejjilx bil‑kwantità jew bil‑ġid, iżda bil‑kwalità tal‑ħajja. Sostna li l‑profitt mhuwiex kollox fil‑ħajja u għalhekk hu importanti li dejjem jiġu rispettati d‑dinjità u l‑benesseri ta’ kull individwu.

Waqt din il‑laqgħa, bħala organu, l‑MCESD saħaq li l‑politika dwar iċ‑ċittadini minn pajjiżi terzi għandha tkun parti minn viżjoni nazzjonali aktar wiesgħa, ibbażata fuq ġustizzja, drittijiet u ppjanar responsabbli.

Id‑diskussjonijiet tal‑imsieħba soċjali inkludew il‑ħtieġa li s‑servizzi pubbliċi jkunu ppreparati biex ilaħħqu mal‑bidliet demografiċi li qed iseħħu, filwaqt li enfasizzaw l‑importanza ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u dinjitużi għal kulħadd. Ġiet ukoll imsemmija l‑ħtieġa li tiġi indirizzata b’mod konkret il‑kwistjoni tal‑akkomodazzjoni affordabbli, sabiex tingħata stabbiltà u ċertezza lil dawk kollha li jgħixu u jaħdmu Malta. L‑infurzar effettiv tal‑liġijiet u d‑diskussjoni dwar id‑dipendenza fuq ħaddiema barranin ġew identifikati bħala oqsma li jeħtieġu valutazzjoni matura u politika fit‑tul.

Min‑naħa tiegħu, iċ‑Chairperson tal‑MCESD, il‑Perit David Xuereb, saħaq li: “Irridu nfasslu politika ekonomika li mhux biss timxi maż‑żmien, imma li tħares il‑valuri. Malta tista’ u għandha tkun mudell ta’ kif nistgħu nsawru soċjetà li tagħti valur lill‑bniedem, mhux biss lill‑profitt. Irridu nifhmu x’tip ta’ pajjiż irridu nkunu, mhux biss ekonomikament b’saħħtu, imma soċjalment ġust u uman. Huwa biss b’dan il‑mod li l‑Viżjoni 2050 tista’ verament tirnexxi.”

Fl‑aħħar nett, l‑MCESD saħaq li l‑Arċidjoċesi ta’ Malta għandha rwol ċentrali fit‑trawwim tad‑djalogu soċjali. Il‑kollaborazzjoni kontinwa mal‑Knisja u l‑entitajiet tagħha hija meqjusa essenzjali biex jiġu indirizzati l‑isfidi ekonomiċi u soċjali tal‑lum, filwaqt li jiġu mħarsa l‑valuri u l‑ġid tal‑ġenerazzjonijiet futuri.

Il-laqgħa tal-MCESD fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace