Se jintlaqgħu applikazzjonijiet għall-żewġ postijiet fl-ewwel sena sekondarja tal-bniet fi skola tal-Knisja u għall-ħames postijiet għas-subien fir-raba’ sena primarja f’xi skejjel tal-Knisja. L-applikazzjonijiet isiru nhar il-Ħamis, 6 ta’ Ġunju fil-Kurja tal-Arċisqof il-Floriana bejn id-9:00 u nofsinhar. L-istudenti għall-ewwel sena sekondarja jridu jkunu twieldu fis-sena 2002 u għar-raba sena jridu jkunu twieldu fl-2005. Min se japplika għandu jippreżenta dawn id-dokumenti: Il-Kattoliċi jippreżentaw ċertifikat tal-Magħmudija (oriġinali, u mhux fotokopja); ċertifikat tat-twelid (tal-Insinwa) tat-tifel / tifla (oriġinali, u mhux fotokopja); tintwera l-Karta tal-Identità ta’ missier jew omm it-tifel / tifla, ma hemmx bżonn ta’ fotokopja; ritratt tat-tifel / tifla (daqs ta’ passaport). Jekk il-ġenituri huma separati jeħtieġ id-dokument riċenti li jindika l-kustodja tat-tfal. Il-ħlas għall-applikazzjoni huwa ta’ €10. Aktar dettalji fir-Regolamenti tad-Dħul li jinsabu fuq il-websajt: http://knisja.mt/lang/mt/church-schools/ .

Dan il-proċess se jitmexxa skont ir-Regolamenti tad-Dħul. Il-polza tal-applikanti se ssir nhar il-Ħamis, 13 ta’ Ġunju 2013 fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Il-polza tal-Bniet għal-ewwel sena sekondarja tibda fl-4:00 ta’ wara nofsinhar u dik tas-subien għar-raba’ sena primarja tibda fl-4:30 jew wara li tispiċċa dik tal-bniet.

Matul ix-xhur li għaddew ġew irreġistrati f’xi skejjel tal-Knisja tal-bniet fl-ewwel sena sekondarja studenti skont l-ewwel kriterju, jiġifieri studenti li għandhom ħuthom fi skola tal-Knisja, studenti ta’ mpjegati ta’ skola tal-Knisja u studenti minn skejjel bla kontinwità. Wara li tlesta dan il-proċess irriżulta li għad baqa’ żewġ postijiet vojta għall-iskola Our Lady Immaculate, Hamrun.

Fl-istess żmien ġew irreġistrati l-istudenti subien li applikaw għad-dħul fir-raba’ sena. Xi wħud minnhom kienu fi skola tal-Knisja u għażlu skola tal-Knisja oħra. Minn dan il-proċess irriżulta li baqa’ dawn il-postijiet vakanti f’dawn l-iskejjel: St Francis Birkirkara (post), St Francis Cospicua (2 postijiet), St Francis Msida (post) u Teresa Nuzzo Marsa (post).

F’kaz ta’ diffikultà tistgħu ċċemplu fuq 27790077 – 27790060.

Il-Bord tad-Dħul Skejjel tal-Knisja
31 ta’ Mejju 2013