Id-donazzjonijiet li se jinġabru din is-sena waqt il-Festa ta’ Ġenerożità se jwasslu biex id-Dar tal-Providenza tkompli x-xogħol fuq proġett estensiv ta’ rinovazzjoni ta’ Villa Papa Giovanni.

F’din il-villa hemm kappella, gym, kmamar għall-attivitajiet u uffiċini amministrattivi, kif ukoll erba’ flettijiet separati: Anġlu Kustodju, Warda, Sant’Antnin u Livia.

Ix-xogħol fuq din il-binja beda fl-1971, bl-għan li tilqa’ fiha ħamsin resident ieħor, u kienet inawgurata mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fid-19 ta’ Marzu 1974.

Minħabba li nbniet tant snin ilu, u wara xogħol ta’ rinovazzjoni f’diversi partijiet tagħha fl-aħħar snin, inħass il-bżonn li jibda proġett ġdid li jiffoka fuq l-appartamenti. Il-pjan kien li l-proġett jibda fl-2020, imma l-pandemija ħarbtet dan, sakemm finalment beda x-xogħol iktar kmieni din is-sena.

Ritratt: Miguela Xuereb

Kif jispjega d-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef ma’ Newsbook.com.mt, ix-xogħol fuq l-ewwel appartament kważi lest, u l-proġett se joffri faċilitajiet iktar dinjitużi lir-residenti.

Fost l-oħrajn, ir-rinovazzjoni tal-binja se twassal biex kull resident se jkollu l-kamra tal-banju tiegħu, jorganizza l-kamra tiegħu kif jixtieq u jkollu post fejn ipoġġi l-affarijiet.

Bħal kull sena, il-Festa ta’ Ġenerożità se ssir fl-1 ta’ Jannar u se tkun trasmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televixin bejn l-10am u nofsillejl. Fid-9.30am, TVM2 se jxandar il-quddiesa li se titmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna mill-kappella tad-Dar.

Fost l-inizjattivi qabel il-maratona, kien hemm il-maratona ta’ 30 siegħa organizzata minn RTK103, li matulha nġabru total ta’ €17,242 b’risq id-Dar tal-Providenza.

Matul il-maratona tas-sena li għaddiet, inġabret is-somma ta’ iktar minn €1.4 miljun b’risq id-Dar tal-Providenza.

Source: Newsbook.com.mt