• ****

    Direttur:          Peyton Reed

    Atturi:              Paul Rudd, Evangeline Lilly, Michael Douglas, Michael Pena, Michelle Pheiffer, Walton Goggins, Bobby Cannavale, Judy Greer u Hannah John-Kamen

    Ħin tal-Film:    118 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

    Fl-1987, Janet van Dyne/Wasp tinxtorob bejn il-molekuli ta’ missila nukleari Russa b’riżultat li jirnexxilha tinkampaċitàh. Iżda sfortunatament inqabdet fl-isfera quantum subatomika. Hank Pym/Ant-Man jispiċċa jieħu ħsieb hu, t-trobbija ta’ Hope, it-tifla tagħhom.

    Jgħaddu s-snin u Scott Lang, eks kriminal, jirnexxilu jieħu l-mantel tal-Ant-Man u jiskopri mezz kif jidħol u joħroġ mill-isfera quantum. Pym u Hope, issa tfajla ħelwa, jibdew jaħdmu biex jirrepetu dik il-bravura għaliex kienu jemmnu li Janet kienet għada ħajja. Sadanittant, Lang u Hope jibdew relazzjoni romantika bejniethom u jitħarrġu flimkien bħala Ant-Man u Wasp. Dan jibqgħu jagħmluh sakemm Lang bil-moħbi jgħin lil Captain America waqt ġlieda kontra l-Avengers bi ksur tat-Trattat ta’ Sokovia. Minħabba f’hekk, Lang jitpoġġa taħt arrest f’daru stess waqt li Pym u Hope jmorru jistaħbew u jaqtgħu kull kuntatt ma’ Lang.

    Sentejn wara din il-ġrajja, Pym u Hope jirnexxilhom jiftħu, għal żmien qasir, mina għall-isfera quantum.  Lang jirċievi, milli jidher, messaġġ mingħand Janet. Għalkemm ikun baqgħalu ftit jiem biex jinħeles mill-arrest f’daru, Lang iċempel lil Pym. Hope taħtaf lil Lang u tħalli lixka biex ma tqajjimx suspett lill-aġent tal-FBI, Jimmy Woo. Kif jaraw il-messaġġ li jikkonferma li Janet kienet għada ħajja, Pym u Hope jaħdmu bla waqfien biex il-mina  tkun tista’ tieħu fiha kapsula għall-isfera quantum u tinġieb lura Janet. Kien hemm bżonn ta’ parti biex jitkompla x-xogħol fuq il-mina u din kellha tinxtara bil-black market mingħand Sonny Burch li ntebaħ xi profitt jista’ jagħmel minn din ir-riċerka li Pym u Hope kienu qegħdin jagħmlu. Għalhekk iqarraq bihom. Hope iżda tiġġieled ma’ Burch u sħabu sakemm hi stess tiġi attakkata minn mara b’maskla. Lang jipprova joffri reżistenza lil din il-fantażma iżda jirnexxielha taħrab u tieħu magħha l-laboratorju ta’ Pym. Pym kontra qalbu jagħmel żjara lill-eks sieħeb tiegħu, Bill Foster li jgħinhom isiru jafu fejn kien jinsab il-laboratorju. Iżda meta Lang, Hope u Pym jaslu fuq il-post isibu reżistenza qawwija mingħand il-fantażma li tirrevela lilha nfisha bħala Ava Starr. X’jiġri minn hawn? Min kienet din Ava? Tgħid wara tant perikli tinġieb lura Janet mill-isfera quantum?

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza, taħt id-direzzjoni ta’ Peyton Reed. Minħabba xi xeni vjolenti, tensjoni u  t-tema tal-film, tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.