Il-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien se torganiżża Quddiesa u talb biex tfakkar l-anniversarju tal-Ordinazzjoni Episkopali tal-Qaddej ta’ Alla, l-Isqof Emanuel Galea, nhar is-Sibt 9 ta’ Lulju, 2011, fis-6.00 p.m. fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien.
L-Isqof Emanuel Galea ħadem bħala sacerdot f’ din il-Parroċċa matul is-snin li fihom ħuħ Dun Salv Galea kien Kappillan fl-istess Parroċċa (1918-1935). Baqa’ mfakkar bħala konfessur, flimkien ma’ ħuħ ieħor Dun Franġisk, għal ħinijiet twal u regulari ta’ qrar, u bħala predikatur.
Matul l-istess żmien Mons. Galea kompla x-xogħol tiegħu bħala Viċi Rettur tas-Seminarju, bħala Professur fl-Universita’ u bħala Segretarju Ġenerali tal-Kurja. Dawk li jiftakruh jgħidu kemm kien twajjeb ma’ kulħadd u kemm kien jgħin lil ħafna nies li kienu jirrikorru għandu.
Matul il-Quddiesa li se tiġi organiżżata, ser issir omelija dwar il-qdusija tiegħu u talb għall-fejqan bl-interċessjoni tiegħu.
Għal din il-quddiesa huma mistiedna n-nies kollha ta’ Ħal Tarxien, speċjalment dawk li jiftakruh, dawk li qalgħu xi grazzji bl-interċessjoni tiegħu u dawk li jixtiequ b’ħerqa kbira li jarawh mill-aktar fis igglorifikat fuq l-artali bħala Beatu.