Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum. 2. Ġesù Kristu rivelatur tal-Missier

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Inkomplu l-katekeżi tagħna fuq il-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum tal-Konċilju Vatikan II, dwar ir-Rivelazzjoni divina. Rajna li Alla juri ruħu fi djalogu ta’ patt, li fih idur fuqna bħal ħbieb. Allura dan hu għarfien relazzjonali, li ma jikkomunikax biss ideat, imma jaqsam storja u jsejjaħ għall-komunjoni fir-reċiproċità. It-twettiq ta’ din ir-rivelazzjoni jseħħ f’laqgħa storika u personali li fiha Alla nnifsu jingħata għalina, u jsir preżenti, u aħna niskopru li hemm min jafna fl-intimità l-aktar profonda tagħna. Dan hu li seħħ f’Ġesù Kristu. Id-Dokument jgħid li l-verità intima kemm ta’ Alla u kemm tas-salvazzjoni tal-bniedem tilma quddiemna fi Kristu, li hu fl-istess waqt il-medjatur u l-milja tar-rivelazzjoni kollha (ara DV, 2).

Ġesù jurina l-Missier billi jdaħħalna fir-relazzjoni tiegħu miegħu. Fl-Iben mibgħut minn Alla l-Missier “il-bnedmin […] jistgħu jersqu lejn il-Missier u jkollhom sehem min-natura ta’ Alla” (ibid.). Naslu allura għall-għarfien sħiħ ta’ Alla billi nidħlu fir-relazzjoni tal-Iben mal-Missier, bl-għajnuna tal-ħidma tal-Ispirtu. Dan jixhed għalih, ngħidu aħna, l-evanġelista Luqa meta jirrakkontalna t-talba kollha ferħ tal-Mulej: “F’dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: ‘Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu’” (Lq 10:21-22).

Ritratt: Vatican Media

Grazzi għal Ġesù nagħrfu lil Alla kif aħna magħrufin minnu (ara Gal 4:9; 1 Kor 13:13). Fil-fatt, fi Kristu, Alla wriena lilu nnifsu u, fl-istess waqt, uriena l-identità vera tagħna ta’ wlied, maħluqin xbieha tal-Verb. Dan il-“Verb etern, li jdawwal lill-bnedmin kollha” (DV, 4) u jikxfilhom il-verità tiegħu fil-ħarsa tal-Missier: “Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:4,6,8), jgħid Ġesù; u jżid li “l-Missier jaf x’neħtieġu aħna” (ara Mt 6:32). Ġesù Kristu hu l-post li fih nagħrfu l-verità ta’ Alla l-Missier waqt li niskopru li aħna magħrufin minnu bħala wlied fl-Iben, imsejħin għall-istess destin ta’ ħajja sħiħa. Jikteb San Pawl: “Iżda meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-Liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied. U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: Abba! Missier!” (Gal 4:4-6).

Fl-aħħar nett, Ġesù Kristu hu rivelatur tal-Missier bl-umanità tiegħu stess. Proprju għax huwa l-Verb inkarnat li jgħammar fost il-bnedmin, Ġesù jurina lil Alla bl-umanità vera u sħiħa tiegħu: “Għalhekk”, ikompli l-Konċilju, “hu, li min jara lilu jara lill-Missier (Ġw 14:9), bil-preżenza sħiħa tiegħu stess u bil-manifestazzjoni tiegħu bil-kliem u bl-għemil, bis-sinjali u bil-mirakli, u l-aktar bil-mewt u bil-qawmien glorjuż tiegħu mill-imwiet, u fl-aħħar nett billi bagħat l-Ispirtu tal-verità, ikompli u jikkompleta r-rivelazzjoni” (DV, 4). Biex insiru nafu lil Alla fri Kristu jeħtieġ nilqgħu l-umanità sħiħa tiegħu: il-verità ta’ Alla ma tidhirx b’mod sħiħ fejn titneħħa xi ħaġa mill-uman, l-istess kif l-integrità tal-umanità ta’ Ġesù ma tnaqqasx is-sħuħija tad-don divin. Huwa l-uman sħiħ ta’ Ġesù li jirrakkontalna l-verità tal-Missier (ara Ġw 1:18).

Ritratt: Vatican Media

Dak li jsalvana u jiġmagħna flimkien mhuwiex biss il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, imma l-istess persuna tiegħu: il-Mulej li jinkarna, jitwieled, ifejjaq, jgħallem, ibati, imut, iqum u jibqa’ fostna. Għalhekk, biex inweġġħu l-kobor tal-Inkarnazzjoni, mhux biżżejjed inqisu lil Ġesù bħala l-kanal ta’ trasmissjoni ta’ veritajiet intellettwali. Jekk Ġesù għandu ġisem veru, il-komunikazzjoni tal-verità ta’ Alla sseħħ f’dak il-ġisem, bil-mod proprju tiegħu kif jifhem u jħoss ir-realtà, bil-mod tiegħu kif jgħix fid-dinja u jgħaddi minnha. Ġesù stess jistedinna naqsmu fil-ħarsa tiegħu fuq ir-realtà, meta jgħid: “Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom?” (Mt 6:26).

Ħuti, meta nimxu sal-aħħar fit-triq ta’ Ġesù, naslu għaċ-ċertezza li xejn ma jista’ qatt jifridna mill-imħabba ta’ Alla: “Jekk Alla hu magħna”, jikteb mill-ġdid San Pawl, “min jista’ jkun kontra tagħna? Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, […] kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?” (Rum 8:31-32). Grazzi għal Ġesù, in-Nisrani jaf lil Alla l-Missier u jintelaq b’fiduċja f’idejh.

Ritratt: Vatican Media

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard