• On Monday 21st November 2016, Archbishop Charles J. Scicluna celebrated a Thanksgiving Mass with new graduates from the University of Malta, at St John’s Co-Cathedral, Valletta.

    Click here to see all photos of the Celebration of Mass.

    The Celebration of Mass on YouTube

     

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    21 ta’ Novembru 2016

    Fl-Evanġelju (Mk 10, 35-45) li għadna kemm smajna, Ġesù juża’ żewġ tixbihat li għalina jistgħu, mad-daqqa t’għajn, jinqraw paradossali. Żewġ mid-dixxipli, aħwa, ulied Żebedew, li l-passat tagħhom kien ta’ sajjieda, Ġesù ltaqa’ magħhom fuq ix-xatt ta’ Tiberiade, jew dak li aħna nafuh bħala l-baħar tal-Galilija, jixtiequ jkunu ħafna qrib tiegħu fil-glorja tiegħu, addirittura jiddeterminaw wkoll ir-rwoli. “Ħallina noqgħodu wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fix-xellug fil-glorja tiegħek” (v. 37). B’xi mod qishom deputy leaders ta’ din id-dinja.

    Il-mistoqsija tagħhom hija pjuttost ardita: “Mgħallem, dak li se nitolbuk, irriduk tagħtihulna.” Ġesù joqgħod attent għax id-domanda diġà suspettuża. “Xi triduni nagħmlilkom?” “Ma tafux x’intom titolbu”. Ġesù jagħmlilhom sfida. “Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien u titgħammdu bil-Magħmudija li biha se nitgħammed jien?” (ara vv. 35-38). Dawn huma ż-żewġ tixbihat paradossali għaliex huma tixbihat – dawk tal-Faculty of Arts jgħallmuna – imma l-kontenut tagħhom x’inhu?  Għandna dawn ir-reċipjenti, imma l-kontentut ta’ dan il-kalċi? Mill-Grieg, il-kelma magħmudija hija tradotta f’baptizzo, hija wkoll full immersion fl-ilma; għalhekk el-mā, il-kelma Semitika ‘mā’ tirreferi għall-ilma. Aħna ngħaqqdu l-artiklu u nagħmluha f’kelma waħda, ‘l-ilma’. Full immersion, imma fiex?

    Il-konklużjoni tal-Evanġelju tagħtina r-risposta. “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (v. 45). Il-Mulej għamel dan billi miet fuq is-salib. Il-kalċi tiegħu huwa l-kalċi tiegħu tal-morr, tant hu hekk li fl-Ort tal-Ġetsemani, fit-talb tiegħu lill-Missier, jgħidlu: “Biegħed minni dan il-kalċi” (Lq 22, 42), il-kalċi tal-morr. San Ġorġ Preca għandu ktieb ċkejken ħelu jismu ‘Il-Kalċi tal-Morr’. Dan fih profondità ta’ ħsibijiet fuq il-fatt li t-tbatija m’għandhiex tkun biss sqaq li jagħlaq, imma jista’ jkollha wkoll sinifikat meta maqgħuda mal-kalċi ta’ Ġesù.

    Il-full immersion x’inhi? Il-magħmudija tas-sofferenza. Jekk aħna nimmeditaw profondament dak li għadda minnu Ġesù, mit-tradiment ta’ Ġuda, din l-għafsa ta’ qalb kbira li wieħed mit-tnax jittradih, li jbiegħu għal tletin biċċa tal-fidda, it-tortura li għadda minnha, it-tribunal inġust li kellu jġarrab, il-kundanna nġusta, il-flaġellazzjoni, il-kruċifissjoni u l-mewt, dawn kienu kollha full immersion fit-tbatija. Dik kienet il-magħmudija tiegħu, il-magħmudija li bih wera li ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi.

    Jiena nagħmlilkom l-istess mistoqsija. Għandkom il-ħila tixorbu l-kalċi u titgħammdu bil-magħmudija tas-servizz, tal-qadi? X’se jkun l-kriterju tas-suċċess fil-ħajja tiegħek? Ħalli nikkanċellaw il-kelma suċċess. Din l-aħħar sena, il-Papa Franġisku ddikjara lil Madre Tereża qaddisa. Waħda mill-espressjonijiet straordinarji tagħha kienet: God does not call us to be successful, but faithful. Din il-fedeltà ta’ min qed jaqdi d-dover tiegħu, qed isib ukoll l-għixien tiegħu, il-fulfillment tiegħu, imma qed ikun ta’ servizz. Hemmhekk inti tista’ tibda toqrob lejn Ġesù u xorta mhux kapaċi jgħidlek fuq liema siġġu se  tpoġġi, “mhix xi ħaġa tiegħi li nagħtiha jien” (Mk 10, 40).

    X’kien ġara? Ftit jiem qabel, dawn iż-żewġ dixxipli u appostli, flimkien ma’ Pietru kienu telgħu fuq il-muntanja Tabor ma’ Ġesù u raw lil Ġesù trasfigurat u fehmu l-glorja tiegħu, u għoġbithom l-idea. Ir-reazzjoni tagħhom hija li jixtiequ jkunu qrib ħafna din l-esperjenza: wieħed fuq il-lemin, l-ieħor fuq ix-xellug. Fit-trasfigurazzjoni kien hemm Mose u Elija fuq il-lemin u x-xellug, issa jridu jkunu huma l-istakeholders fil-glorja ta’ Ġesù għall-futur.

    Hu jgħallimhom it-triq tal-qadi għaliex il-glorja tiegħu fuq it-Tabor kienet biex tneħħi l-iskandlu tas-salib, li inti taqdi sal-aħħar. Madre Tereża għandha espressjoni oħra li nafuha lkoll:  Loving until it hurts. Serving until it hurts. Min jaf kemm se tagħmlu iljieli fil-professjoni tagħkom biex tlestu proġetti, l-avukati biex jippreparaw kawża, oħrajn li qegħdin fix-xjenzi u fil-midja biex jagħmlu x-xogħol tagħhom, u inti se tħoss li worth it li tagħti ħajtek għaliex mhux biss tkun ta’ servizz imma tkun qed tagħti kontribut għal dinja aħjar.

    Quddiemi hawn rappreżentanza tal-Fakultajiet tal-Arti, tal-Edukazzjoni, u jiena l-kelma li ngħidilkom hija li l-missjoni tagħkom hija li tgħollu l-livell tal-kultura f’Malta għax it-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid. Għadda ż-żmien meta min jistudja l-arti kienu jgħidulu li kien qed jaħli ż-żmien u li l-parċmina li kienet tagħtih l-università kienet tajba biss biex tkebbeb l-inċova. Għall-grazzja t’Alla għadda dak iż-żmien u nawgura u nispera li ma jerġa’ jiġi qatt iżjed, imma r-responsabbiltà hija tagħkom li tgħollu l-livell tad-demokrazija billi tgħollu l-livell tal-edukazzjoni. Billi tgħallmu lill-bnedmin tal-lum li tapprezza s-sbuħija – li inti tkun taf titkellem u tikkomunika mhux biss added value imma huwa sinjal ta’ kwalità ta’ ħajja. Ippermettuli ngħidilkom, sinjal ta’ ċivilta.

    Il-Fakultajiet tax-Xjenza tal-Internet u Communication Technologies, jiena ngħidilhom li għandhom missjoni kbira f’dinja globalizzata li qiegħda ssir iżjed u iżjed virtwali. L-isfida li npoġġilkom quddiemkom hija li tgħinu lill-bniedem jinqeda bit-teknoloġija mingħajr ma jsir ilsir u skjav tat-teknoloġija. It-teknoloġija bħala okkażjoni ta’ iżjed libertà, ta’ iżjed komunikazzjoni u allura li nirreżistu t-tentazzjoni li noħolqu dinja virtwali li ma teżistix għalkemm hija fenomenu reali, imma li minflok ma tressaqna lejn xulxin, tbegħdna minn xulxin.

    Għandi quddiemi wkoll rappreżentanza sabiħa u denja tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-well being tas-soċjetà. Qegħdin naffaċjaw soċjetà fejn l-unease, il-malaise tal-bniedem, minflok tonqos qiegħda tikber. Ix-xjenza, l-għerf tagħkom huwa neċessarju biex il-bniedem jerġa’ jakkwista dik is-sħuħija, dik is-saħħa, dak it-tisħiħ ġewwieni li jagħtih il-kapaċità jgħix il-ħajja b’mod kuntent u b’mod seren.

    Lill-Fakultà tal-Inġinerija x’ngħidilkom? Ħudu ħsieb li l-proġetti li tkunu fihom ikunu proġetti mhux għall-but tal-ftit, imma għall-ġid komuni. Hemm l-infrastruttura sparpaljata hemm barra li għandha bżonn il-kontribut tagħkom. Agħmlulna xi ħaġa biex almenu nkunu nistgħu naslu fil-ħin u b’mod safe. F’idejkom.

    Ħallejt għall-aħħar lill-kollegi tiegħi tal-Fakultà tal-Liġi. Nispera li huma rappreżentati llejla. L-ewwel nett biex nirringrazzjakom tal-poster enormi li waħħaltu fil-buscades, almenu għażiltu ritratt tiegħi nitbissem, diffiċli ma ssibx. U nixtieq nagħmel kumment b’risposta għall-kumment ġentili u ġeneruż tagħkom. L-ewwel nett nirringrazzjakom li ġejtu għax perezz li għidtlu li m’intomx lesti tobdu l-qassisin, almenu qed nieħu pjaċir li lesti tisimgħu lill-Isqof.

    Jiena nfakkarkom li aħna fis-17 ta’ Diċembru niċċelebraw lil San Ivo u dejjem tgħallimt jien – dħalt fil-kors tal-Liġi fin-1976, jiġifieri 40 sena ilu – Sanctus Ivo erat brito, minn Brittanja, advocatus sed non ladro, avukat imma mhux ħalliel, res miranda populo. Din kienet xi ħaġa tal-għaġeb għall-poplu kollu kif dan huwa avukat u mhux ħalliel. U dan San Ivo huwa l-patrun tal-kategorija. Jiena ngħidilkom dak li hemm f’Salm 81, għeżież kollegi avukati, li qrajna fil-quddiesa tal-lum. Jgħid hekk is-salm 81 qiegħed fil-librett, l-ewwel strofa ta’ dan is-salm: “Agħmlu l-ħaqq, agħmlu l-ġustizzja mal-miskin u l-iltim, mal-magħkus u l-fqir agħmlu s-sewwa, eħilsu d-dgħajjef u l-fqajjar, minn id il-ħażin salvawhom” (S 81 3-4). Din għandha tkun il-missjoni ta’ kull avukat, ikun f’liema uffiċċju jkun, ikun f’liema qasam ikun: kummerċjali, internazzjonali, insurance, kriminal, ċivil, you name it. Inti trid tipproteġi d-dgħajjef mill-arroganza u l-prepotenza ta’ min irid jabbuza mill-poter għax dik hija r-Regola tad-Dritt, the Rule of Law, li tagħti leġittimita lil kull Gvern u tagħti wkoll missjoni kbira lill-ġustizzja.

    Ilkoll nawguralkom li fl-għażliet tagħkom tagħżlu dejjem li tkunu fuq in-naħa tal-fqir u ta’ min hu batut. Nawguralkom li għall-ġid tal-pajjiż tagħżlu l-onestà bħala strateġija li tagħtik il-benefiċċju, mhux neċessarjament short-term. Oħrajn “in-nies ta’ triqathom mgħawwġa, li l-mixi tagħhom barra mit-triq, li l-hena tagħhom jagħmlu l-ħażen, l-għaxqa tagħhom il-ħażen mill-agħar” – dawn il-kliem tal-Ewwel Qari (ara Prov 2, 12-15) – ifittxu l-benefiċċju short term: il-profitti insensati u diżonesti, il-ħlasijiet qarrieqa. Intom m’għandkomx tkunu hekk.

    Nirringrazzjakom ta’ dan l-ewwel pass bħala gradwati li ġejtu hawn illum. Naf li ġejtu għax ridtu, imma nirringrazzjakom ta’ din l-għażla li għamiltu. Aħsbu ftit fl-għażla li għamiltu – ġejtu quddiem Alla b’ħafna bżonnijiet, b’ħafna xewqat, forsi anke b’xi taqtigħ il-qalb: issa l-futur x’se jkun? Orrajt iggradwajna, x’se nagħmlu? Hemm Missier li jħobbna lkoll kemm aħna u jaf jipprovdi lil min isegwih. “Ibni, jekk inti tilqa’ kliemi u taħżen ġo fik il-kmandamenti tiegħi billi tagħti widen għall-għerf, u tħalli lill-moħħok jifhem is-sewwa, inti tifhem il-biża’ tal-Mulej u ssib it-tagħrif ta’ Alla” (ara 2, 1-5) u ma dan tkun kuntent torqod serħan u tkun tassew imbierek u ma jonqsok xejn, la lilek, la lil min tħobb u lanqas lil uliedek meta jasal il-waqt.

     Charles J. Scicluna          
        Arċisqof ta’ Malta

  • Photos/Video: Curia Communications Office