L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan huwa l-kliem għażiż li aħna u l-għeżież tagħna li ħallewna nisimgħu minn fomm Ġesù: “Tassew ngħidlek, illum tkun miegħi fil-ġenna” (Lq 23:43).

Dan il-kliem Ġesù qalu minn fuq is-salib ftit qabel ma hu wkoll għadda mill-bieb tal-mewt. Kien mument ta’ dgħufija kbira għalih, mument ta’ kundanna, mument ta’ tbatija ħarxa. Imma quddiem it-talba tal-ħalliel, il-qalb ta’ Ġesù ma setatx ħlief tinfetaħ mimlija ħniena, mogħdrija u maħfra.

“Ftakar fija meta tiġi fis-saltna tiegħek” (Lq 23:42). Din hija wkoll it-talba ta’ kull wieħed u waħda minna: ftakar fina, ħenn għalina, itfa’ l-ħarsa ta’ mogħdrija, ta’ maħfra tiegħek, fuq kull wieħed u waħda minna.

Illum, Mulej, nitolbuk għal ħutna l-mejtin. Inti taf il-fidi tagħhom, inti taf it-tama tagħhom, inti taf l-imħabba tagħhom. Bit-talb tagħna, bis-suffraġju li noffrulhom, nitolbuk tgħannaqhom fit-tgħanniqa tal-mistrieħ ta’ dejjem, fil-bewsa tal-paċi, fl-hena bla tmiem. Ressaqhom lejn il-post fejn inti tixxotta kull demgħa minn għajnejna, fejn ma hemmx iżjed tbatija, fejn ma hemmx iżjed nuqqasijiet imma hemm id-dehra tiegħek.

“Tassew ngħidlek, illum tkun miegħi fil-ġenna.” Dan hu li nawguraw lil ħutna l-mejtin, dan li nawguraw lil kull wieħed u waħda minna. Għax dan il-jum mhux biss ifakkarna fil-bieb li għaddew minnu ta’ qabilna imma jfakkarna li l-Mulej se jħabbat ukoll fuq il-bieb tagħna. Meta se jħabbat ma nafux, imma se jħabbat żgur.

Jalla jsibna lesti b’dik it-talba tal-ħalliel imsallab ma’ Ġesù: “Ftakar fija, ħenn għalija”. Jalla r-risposta tiegħu tkun għal kull wieħed u waħda minna niedma minn dnubietna, f’paċi bejnietna: “Tassew ngħidlek, illum tkun miegħi fil-ġenna” (Lq 23:43).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġob 19:1.23-27a
Salm: 26
Qari II: Rum 19:1.23-27a
Evanġelju: Ġw 6:37-40

More Photos >>