-
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jitlob li jerġa’ jinfetaħ il‑każ tal‑Venerabbli Adelaide Cini biex eventwalment, jekk tissodisfa l‑kriterji tal‑liġi tal‑Knisja, din il‑mara lajka tiġi bbeatifikata. Dan ser isir waqt Quddiesa li ser jiċċelebra l‑Arċisqof għada, it‑Tlieta 15 ta’ Ottubru, fis‑7pm, fil‑mitt sena tal‑eżumazzjoni u t‑trasport tal‑fdalijiet tagħha miċ‑ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata għall‑istitut “Ta’ Ċini” li kienet waqqfet u fejn tinsab midfuna. Adelaide Cini kienet ġiet iddikjarata Venerabbli mill‑Papa Piju X fit‑23 ta’ Frar 1910.
Il‑Quddiesa, li għaliha mistieden kulħadd, b’mod speċjali min irid jitlob xi grazzja speċjali ta’ fejqan bl‑interċessjoni tal‑Venerabbli, ser issir fil‑kappella li tinsab fl‑Istitut Adelaide Cini, Sta Venera.
L‑Arċisqof irid li l‑eżempju ta’ ħajjitha u l‑ħidma li wettqet Adelaide Cini man‑nisa vittmi tal‑prostituzzjoni u wliedhom, isiru aktar magħrufa u apprezzati mill‑Insara.
.
-
-
.
Min kienet Adelaide Cini?
Imwielda l‑Belt Valletta fil‑25 ta’ Ottubru 1838, Adelaide kienet l‑iżgħar fost 13 aħwa. Meta kien għad lanqas kellha 18‑il sena, marret tħabbat il‑bieb tal‑Monasteru ta’ Santa Katerina fil‑Belt Valletta. Il‑Prijura Swor Giuseppa Baldacchino, li laqgħetha minn wara l‑gradi tal‑ħadid, impressjonat ruħha meta ratha hekk dgħajfa u rqiqa minkejja li kienet bint tas‑sid għani tal‑fabbrika tal‑għaġin fil‑Ħamrun. Adelaide talbet li tiġi aċċettata bħala postulanta.
Swor Giuseppa, għalkemm konvinta mill‑isfond reliġjuż ta’ Adelaide, setgħet biss tikkunsidra t‑talba tagħha b’simpatija. Hija għamlet dan għaliex it‑tfajla kienet taħt tensjoni psikoloġika wara li kellha proposta għaż‑żwieġ li għaliha l‑ġenituri tagħha oġġezzjonaw. Peress li l‑Prijura kienet konvinta li l‑vokazzjoni tagħha kienet ’il barra mill‑kunvent, tatha l‑parir li tirritorna lejn id‑dar tagħha u tistenna lil Alla juriha n‑natura vera tal‑vokazzjoni tagħha.
Probabbilment, it‑tfalja Adelaide, ma fehmitx il‑messaġġ tas‑soru, iżda bla dubju hi ftakret fih ftit taż‑żmien wara meta b’kumbinazzjoni ltaqgħet ma’ prostituta żagħżugħa minn Sqallija li kienet saret magħrufa għall‑attivitajiet tagħha fost is‑setturi l‑aktar sinjuri tas‑soċjetà. L‑isforzi tagħha biex issir tafha kellhom suċċess u Adelaide kkonvinċietha biex tmur tgħix magħha fid‑dar tal‑ġenituri tagħha.
Il‑ħbiberija ta’ Adelaide kienet providenzjali għax it‑tfajla minn Sqallija bidlet ħajjitha, ingħaqdet mas‑Sorijiet tar‑Ragħaj it‑Tajjeb u eventwalment saret superjura tal‑kunvent f’Alexandria. Kienet din il‑bidla mirakuluża li ħeġġet lil Adelaide u wrietha t‑triq tal‑vokazzjoni tagħha. B’hekk hija bdiet moviment missjunarju ġdid fost il‑ħafna bniet abbandunati mill‑klassijiet il‑fqar tas‑soċjetà Maltija. Bl‑għajnuna finanzjarja tal‑benefatturi John Asphar u martu Angelica, hija fetħet l‑ewwel dar għall‑ommijiet mhux miżżewġa.
Wara l‑mewt ta’ missierha, Adelaide bidlet il‑fabbrika tal‑għaġin tagħhom f’konservatorju għall‑bniet l‑aktar fil‑bżonn. Dan kien il‑bidu tal‑Istitut Cini f’Santa Venera li sa mill‑1876 tmexxa mis‑Sorijiet tal‑Karità.
Adelaide mietet fit‑28 ta’ Marzu, 1885, fl‑età ta’ 46 sena, u ndifnet fiċ‑Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata f’Raħal Ġdid. Fl‑1907, fid‑Djoċesi ta’ Malta ngħata bidu għall‑proċess informattiv dwar il‑ħajja u l‑ħidma ta’ din il‑mara, li ħalliet marka li tibqa’ tidher fl‑istorja soċjali u reliġjuża ta’ Malta.
Il‑Papa Piju X ddikjaraha Venerabbli fit‑23 ta’ Frar 1910. Disa’ snin wara, fil‑15 ta’ Ottubru 1919, il‑fdalijiet tagħha ġew eżumati u midfuna mill‑ġdid fil‑kappella tal‑Istitut mibnija fi stil Romanesk, bil‑ġenerożità ta’ Maria Zammit u kkonsagrata mill‑Arċisqof ta’ Malta ta’ dak iż‑żmien, Mons. Mawru Caruana OSB.