(lemin) L-Isqof Joseph Galea-Curmi u s-Sur Aaron Zahra

Jumejn qabel tibda ż‑żjara uffiċjali tal‑Papa Franġisku f’pajjiżna bit‑tema “Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” meħuda mill‑Atti tal‑Appostli, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi flimkien maċ‑Chairman tal‑Kumitat Organizzattiv tal‑Istat Aaron Zahra indirizzaw konferenza tal‑aħbarijiet biex jingħataw dettalji dwar dan il‑Vjaġġ Appostoliku.

L‑Isqof Galea‑Curmi qal li huwa b’ferħ kbir għalina l‑Maltin u l‑Għawdxin li wara sentejn li kien tħabbar dan il‑vjaġġ, nhar is‑Sibt li ġej nilqgħu fostna l‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku. Huwa rringrazzja lil kull min qed jagħti sehmu biex isseħħ din iż‑żjara li għandha tħalli ħafna ġid.

L‑Isqof għamel referenza għall‑Udjenza Ġenerali ta’ nhar l‑Erbgħa li għadda, meta l‑Papa Franġisku qal li ġej Malta bħala pellegrin fuq il‑passi tal‑Appostlu Pawlu, li hawn ġie milqugħ “bi ħlewwa liema bħalha” wara li safa nawfragu huwa u jivvjaġġa lejn Ruma.

Preparazzjonijiet għall-quddiesa tal-Papa fuq il-Fosos, il-Furjana

Ħeġġeġ lill‑Maltin kollha biex jilqgħu b’entużjażmu lill‑Papa Franġisku minn kull fejn jgħaddi, jagħmlulu festa sabiħa, juruh l‑imħabba ġenwina tagħhom, u jiftħu widnejhom u qalbhom għall‑messaġġ tiegħu. “Meta l‑Papa jitkellem, dejjem jagħraf iwassal messaġġ li tassew jolqot il‑ħajja tagħna. Aħna ċerti li dak li se jgħidilna fid‑diskorsi u omeliji tiegħu se jkunu ta’ għajnuna għalina biex nistgħu ngħixu l‑valuri umani li jibnuna bħala soċjetà, jgħinuna nagħmlu l‑għażliet tajbin, u ngħixu bħala aħwa, ulied l‑istess Missier.”

Is‑Sur Aaron Zahra spjega li hekk kif jasal l‑Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il‑Papa jintlaqa’ mill‑ogħla awtoritajiet tal‑pajjiż u jibqa’ sejjer lejn il‑Palazz tal‑President fil‑Belt Valletta għaċ‑ċerimonja uffiċjali. Wara joħroġ fil‑gallerija tal‑Palazz fi Pjazza San Ġorg biex isellem liż‑żgħażagħ u lin‑nies miġbura. Minn hemmhekk jitla’ lejn in‑Nunzjatura fir‑Rabat biex imbagħad waranofsinhar jaqbad triqtu lejn il‑Port il‑Kbir għal Għawdex.

Fil‑Port il‑Kbir mistennija ssir festa kbira hekk kif is‑sidien tal‑opri tal‑baħar kif ukoll klabbs tar‑regatta mistennija jakkumpanjaw it‑tluq tal‑Papa mill‑Port il‑Kbir bil‑katamaran. Il‑pubbliku huwa mħeġġeġ ukoll biex jinġabar fil‑Barrakka ta’ Fuq u fl‑inħawi tal‑Isla u l‑Birgu sabiex isellem lill‑Papa Franġisku. Se jkunu qed jiġu sparati 21 tir mill‑Barrakka ta’ Fuq bħala tislima.

Il-popemobiles f’Ta’ Kandja

F’Għawdex mistennija laqgħa ta’ talb li tibda għall‑ħabta tal‑5:30pm fis‑Santwarju ta’ Ta’ Pinu biex imbagħad jerġa’ jmur Malta bil‑bastiment ta’ Ta’ Pinu.

L‑għada l‑Ħadd, l‑appuntament tal‑Papa Franġisku jibda kmieni filgħodu hekk kif iżur il‑Grotta ta’ San Pawl fir‑Rabat biex imbagħad jiċċelebra quddiesa fuq il‑Fosos tal‑Furjana li tibda fl‑10:15am u fi tmiem il‑quddiesa tingħad it‑talba tal‑Angelus. Wara jerġa’ jmur in‑Nunzjatura, biż‑żjara tal‑Papa tintemm waranofsinhar fil‑Laboratorju tal‑Paċi għal‑laqgħa mal‑migranti. Il‑Papa u d‑delegazzjoni tiegħu jaqbdu titjira tal‑linja nazzjonali tal‑arju l‑AirMalta lura lejn Ruma għall‑ħabta tas‑6pm.

Iċ‑Chairman Aaron Zahra spjega li madwar 300 ġurnalist se jkunu qed jagħmlu użu miċ‑ċentru tal‑media f’lukanda ewlenija fil‑Furjana fejn 80 ġurnalist minnhom se jkunu qed jakkumpanjaw lill‑Papa Franġisku matul it‑titjira tiegħu lejn Malta. Qal li dan l‑interess mill‑ġurnalisti internazzjonali jixhed kemm hemm interess fiż‑żjara tal‑Papa f’pajjiżna. Stennija wkoll mill‑poplu Malti u Għawdxi biex fl‑10am tas‑Sibt li ġej jasal il‑Papa Franġisku.

Intant, fis‑sigħat li għaddew waslu f’pajjiżna l‑popemobiles kif ukoll il‑vettura uffiċjali li l‑Papa Franġisku juża barra l‑Vatikan.

Il‑pubbliku huwa mħeġġeġ biex f’dawn il‑jumejn juża s‑servizz tat‑trasport pubbliku li se jkun qed iżid il‑frekwenza tiegħu lejn l‑attivitajiet ewlenin. Is‑servizz tal‑Gozo Channel u tal‑Fast Ferry se jkun sospiż is‑Sibt bejn l‑4pm u s‑7pm.

Ir‑rotot li minnhom se jkun qed jgħaddi l‑Papa kif ukoll aktar dettalji dwar din iż‑żjara jinsabu fuq is‑sit papafrangisku.mt u l‑paġna uffiċjali fuq Facebook ‘Pope Francis in Malta’.