L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Kien fit-8 ta’ Ottubru 1702 meta l-Isqof ta’ dak iż-żmien, Davide Cocco Palmieri, ikkonsagra l-Katidral. Il-Katidral kien diġà hemmhekk qabel, imma l-knisja kienet ġarrbet ħsarat kbar minħabba t-terremot li kien sar fl-1693. Għalhekk, fuq disinn ta’ Lorenzo Gafà, inbniet din il-knisja ddedikata lil San Pawl, knisja li hi issa l-Katidral ta’ Malta. Aħna ngħidu “il-Katidral tal-Imdina”, imma festa bħal din fl-anniversarju tal-konsagrazzjoni mhix biss il-festa tal-parroċċa tal-Imdina, jew tan-nies li joqogħdu hemm, imma hi l-festa tal-Knisja kollha f’Malta. Ir-raġuni hi għax il-katidral hu l-knisja ewlenija tad-djoċesi, il-knisja fejn l-Arċisqof għandu l-kattedra tiegħu.

Xi jfisser li dil-knisja ġiet ikkonsagrata? Ifisser li ntagħżlet bħala post għażiż, speċjali, id-dar ta’ Alla. Hawnhekk rajna fl-ewwel qari, mill-ktieb tas-Slaten, meta Salamun wieqaf quddiem l-altar tal-Mulej, qal: “Imma tassew li Alla se jgħammar fuq l-art?” Din hi l-mistoqsija li tista’ tiġi f’moħħna meta nidħlu fil-knisja: “Imma tassew Alla jgħammar hawn?” Ir-risposta hi: iva. Jagħtihielna Ġesù, hu li hu Alla li sar bniedem fostna biex jidħol fil-ħajja tal-umanità, biex ikun wieħed minna, bħalna; hu li waqqaf l-Ewkaristija bħala l-preżenza reali tiegħu, u għalhekk il-preżenza li turina li Alla hu magħna.

Għalhekk il-festa tal-konsagrazzjoni tfakkarna kemm hi għażiża l-knisja, id-dar ta’ Alla. Aħna mmorru hemm biex nagħtu qima lil Alla, biex infaħħruh, nirringrazzjawh, nisimgħu l-kelma tiegħu li hi dawl għal ħajjitna, nirċievu l-maħfra tiegħu, miegħu naqsmu wkoll dak li nkunu għaddejjin minnu – ix-xewqat ta’ qalbna, it-talbiet tagħna – u nitolbuh ukoll hemmhekk fil-knisja biex iberikna u jakkumpanjana fil-ħajja tagħna. Immorru l-knisja biex nagħtu qima lill-Ewkaristija, u nieħdu sehem fl-Ewkaristija permezz tal-quddiesa. Din il-festa tfakkarna kemm hu importanti – għal kull min jista’, mhux għal min ma jistax bħal min hu marid, jew l-isptar, jew anzjan u ma jistax joħroġ, imma għal kull min jista’ – biex jieħu sehem fil-knisja fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, għaliex hemmhekk niltaqgħu flimkien bħala l-familja ta’ Alla u nirċievu l-Ewkaristija li hi l-preżenza reali ta’ Ġesù għall-ħajja u s-saħħa tagħna.

Xi jfisser li dil-knisja ġiet ikkonsagrata? Ifisser li ntagħżlet bħala post għażiż, speċjali, id-dar ta’ Alla.

Il-festa tal-konsagrazzjoni tfakkarna li niltaqgħu fil-knisja bħala familja waħda, bħala komunità, u li lkoll imsejħin biex inkunu ġebel ħaj fil-bini tal-Knisja. Bħalma l-knisja hi ffurmata minn ġebla fuq oħra u flimkien jgħaqqdu u jiffurmaw il-bini tal-knisja, hekk imsejħin aħna biex inkunu ġebel ħaj għall-bini tal-Knisja, ħalli l-Knisja tkun il-familja ta’ Alla, kif jgħid il-Papa Franġisku, “il-post tal-ħniena mogħtija b’xejn, fejn kulħadd iħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix il-ħajja tajba tal-Evanġelju” (Evangelii gaudium, 114).

Il-festa tal-konsagrazzjoni tfakkarna f’din il-komunità li ninġabru flimkien fil-knisja, u tfakkarna wkoll fil-konsagrazzjoni tagħna. Bil-magħmudija ġejna kkonsagrati lil Alla, mogħtija lilu, biex nistgħu ngħixu din il-konsagrazzjoni fil-ħajja kollha tagħna. Meta mmorru l-knisja nirċievu hemmhekk il-qawwa, l-għajnuna ta’ Alla biex imbagħad ’il barra mill-bieb tal-Knisja nistgħu ngħixu tassew dak li niċċelebraw hemm. Għalhekk il-knisja kkonsagrata tfakkarna fil-konsagrazzjoni tagħna li għandna ngħixu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum – fil-familja, fil-postijiet residenzjali, fil-post tax-xogħol, meta niltaqgħu mal-oħrajn. Bħalma rajna fl-Evanġelju, il-laqgħa ta’ Żakkew ma’ Ġesù ma kinitx biss laqgħa sabiħa, imma laqgħa li ħalliet effett fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum. Għamlitu bniedem onest, jimxi ma’ dak li hu ġust, ġeneruż u mimli mħabba lejn l-oħrajn.

Il-festa tal-konsagrazzjoni tfakkarna li niltaqgħu fil-knisja bħala familja waħda, bħala komunità, u li lkoll imsejħin biex inkunu ġebel ħaj fil-bini tal-Knisja.

Il-festa tal-konsagrazzjoni tal-Katidral tfakkarna fl-għaqda tagħna mal-isqof tad-djoċesi. Hemmhekk għandu l-kattedra tiegħu, speċjalment din il-missjoni li hu jgħallem, iwassal l-Aħbar it-Tajba. Għalhekk fl-anniversarju tal-konsagrazzjoni tal-Katidral, nitlob biex dejjem napprezzaw u ngħożżu din il-knisja, il-Katidral; niftakru wkoll fil-konsagrazzjoni tagħna li għandna ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum u flimkien bħala l-familja ta’ Alla; u nitolbuh biex isaħħaħ l-għaqda tagħna tal-moħħ u tal-qalb mal-Arċisqof li f’dan il-post għażiż għandu l-kattedra tiegħu minn fejn niftakru li jrid iwasslilna dejjem il-kelma ta’ Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju